Thursday, April 25, 2024

MALTA BI RWOL KRUĊJALI FL-EDUKAZZJONI TAL-UKRENI

Aqra wkoll

Il-poplu Malti huwa magħruf sew għall-ġenerożità u s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk fil-bżonn. Dan jista’ jiġi kkonfermat mill-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li jsiru minn żmien għal żmien, fosthom dawk relatati ma’ mard, kundizzjonijiet differenti, il-missjoni, u ħafna oħrajn. Madanakollu, aħna l-Maltin immorru pass oltre minn sempliċiment donazzjoni. Fl-aħħar xhur, saħansitra anki bgħattna uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili biex jgħinu fit-tfittxija għal persuni mitlufa wara t-terremoti qawwijin li laqtu lit-Turkija u l-Libja.

Bl-istess mod, pajjiżna kkontribwixxa wkoll fl-għajnuna umanitarja b’risq l-Ukrajna wara li din spiċċat fi gwerra qalila mar-Russja fl-24 ta’ Frar tas-sena l-oħra, u li għadha għaddejja sal-lum. Bħalissa, pajjiżna qed ikun minn ta’ quddiem bl-għajnuna tiegħu fl-edukazzjoni ta’ għexieren ta’ studenti Ukreni. Dan billi fl-aħħar jiem, bis-saħħa ta’ liċenzja proviżorja maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) ingħata permess lil Università Ukrena – International European University (IEU) – sabiex tkun tista’ topera f’pajjiżna għal perjodu ta’ sena. It-tiġdid tal-istess liċenzja għal perjodu iżjed fit-tul jiddependi mill-avvenimenti li jseħħu fl-Ukrajna fix-xhur li ġejjin.

Mit-2 ta’ Ottubru li għadda, l-Università Ukrena fetħet il-bibien tagħha għall-istudenti. Għalkemm bħala università mhix ristretta għal studenti u għalliema Ukreni biss, din ċertament li se tkun ta’ benefiċċju kbir għall-Ukreni għaliex l-Università għadha kemm ħarġet inċentiv li permezz tiegħu l-istudenti u l-għalliema Ukreni se jkunu qed jingħataw it-tagħlim u akkomodazzjoni bla ħlas. Dan qed isir bil-għan li jħarju lill-Ukreni jitbiegħdu mill-gwerra u jkomplu javvanzaw fil-livell edukattiv tagħhom.

Għalhekk, pajjiżna se jkun wieħed mill-pilastri ewlenin sabiex jassigura li l-poplu Ukren ikollu l-istess opportunitajiet fit-tagħlim li sussegwentement iwassal għal xogħol b’paga xierqa u għajxien diċenti.

Nemmnu li dan il-pass li ħa pajjiżna għandu jservi ta’ xprun sabiex pajjiżi oħra jsegwu l-istess prassi għaliex l-edukazzjoni u d-dritt għal-litteriżmu huwa dritt fundamentali tal-bniedem. 

Malta, se tkompli twassal messaġġi favur il-paċi fl-Ukrajna meta din il-ġimgħa se tospita laqgħa ta’ livell għoli msejħa ‘Ukraine Peace Formula’.

Sport