Monday, May 13, 2024

MALTA BL-AKBAR TKABBIR EKONOMIKU FL-UE

Tbassir tal-Kummissjoni Ewropea

Aqra wkoll

Malta mistenni li jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea din is-sena u s-sena li ġejja. Dan ħareġ mit-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea għax-xitwa 2024.

Fir-rapport tagħha, il-KE tgħid li wara tkabbir impressjonanti fl-2022 (8.1%), it-tkabbir reali tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) huwa stmat li baqa’ b’saħħtu fil-livell ta’ 6.1% fl-2023.

Dan huwa ogħla minn dak li kien previst fit-tbassir tal-ħarifa u huwa dovut għal reviżjonijiet ‘il fuq tal-attività ekonomika fl-ewwel żewġ kwarti tas-sena li għaddiet u għal tkabbir sostanzjali ta’ 2.4% fit-tielet kwart.

Il-KE tinnota wkoll iż-żieda fil-konsum privat u l-esportazzjoni, filwaqt li qalet li t-tkabbir fl-aħħar kwart tal-2023 kien wieħed moderat minħabba l-irkupru mistenni fl-importazzjoni biex issostni d-domanda domestika b’saħħitha fl-aħħar tas-sena.

Fl-2024, it-tkabbir ġie rivedut ‘il fuq meta mqabbel mal-ħarifa, għal 4.6%. It-tkabbir fl-investiment huwa mistenni li jiżdied wara t-tnaqqis fis-settur tal-kostruzzjoni u l-konsum pubbliku mistenni li jibqa’ b’saħħtu. Għas-sena d-dieħla, Malta hi mbassra li se jkollha tkabbir ekonomiku fil-livell ta’ 4.3%.

Dwar l-inflazzjoni, il-KE tgħid li r-rata f’pajjiżna laħħqet il-5.6% fl-2023 minkejja l-istabblità fl-prezzijet tal-enerġija. Għall-2024 u l-2025, l-inflazzjoni qed tkun imbassra li se tonqos għal 2.9% u 2.7% rispettivament.

B’reazzjoni fuq il-pjattaforma X, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li filwaqt li l-KE rrevediet ‘l isfel il-prospetti għall-UE, għal darba oħra kkonkludiet li Malta se jkollha tkabbir akbar minn dak li kien mistenni. Dan filwaqt li l-esperti tal-KE naqqsu r-rata ta’ inflazzjoni li kienu pprevedew huma stess.

Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru enfasizza kif id-deċiżjonijiet progressivi li qed jittieħdu, tassew qegħdin jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.

Sport