Sunday, May 19, 2024

KULĦADD IRID IL-BIDLA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-bidla tissemma l-ħin kollu. Kulħadd irid jilqa’ għaliha, kulħadd irid iwettaqha, kulħadd iwegħedha. Ġieli tintwera bħala xi ħaġa ta’ dwejjaq, li trid tirreżistiha. Imma aktar iva milli le, tintwera bħala xi ħaġa meħtieġa, ta’ min jixtieqha, li biex titwettaq trid bidla f’kif isiru l-affarijiet biex il-ħajja ssir aħjar għal kulħadd.

Il-bidla mhijiex il-monopolju ta’ xi gvern jew xi oppożizzjoni. It-tnejn jitkellmu dwarha b’impenn, qisha kienet tagħhom u tagħhom biss. Filfatt, firxa sħiħa ta’ għaqdiet fil-ħajja ċivili, reliġjuża, ekonomika u aktar isostnu u jisħqu fuq messaġġi simili. Forsi l-aktar għajta li ssib eku wiesa’ fil-pajjiż hi dwar il-bidla.

Biss imbagħad meta niġu għat-twettiq tal-bidla u kif tkun qiegħda ssir, il-kumnikazzjnijiet isiru ftit bierda, biex ma ngħidx xotti. Sakemm is-“suċċessi” jistgħu jitħabbru bl-akbar pompa forsi iva, nibqgħu nisimgħu dwarha. Madankollu ta’ spiss il-bidla ma tiġix bil-ħeffa jew bla dwejjaq, ġieli tiġi b’bosta dwejjaq. Dwar hekk ħafna – biex ma ngħidux kulħadd: jew aħjar wara kollox, ngħidu kulħadd!… jaqa’ fil-muta.

IT-TAJJEB TAL-EWROPA

Xi ħadd qalli: Int dejjem tikkritika xi jkun għaddej fl-Unjoni Ewropea; qatt ma tgħid x’hemm tajjeb. Possibbli għandha kollox ħażin?

Minnu li ta’ spiss nikkritika, kif hemm bżonn li jsir għax ma rridux ninġarru mal-kurrent ta’ min ħlief ward u żahar ma jarax fl-Ewropa. Hemm aktar minn biżżejjed nies li kull ma jafu jew iridu jagħmlu hu li jfaħħruha u jinċensawha.

Biex kollox ikun intqal; l-Ewropa jew aħjar l-Unjoni Ewropea għandha ħafna kisbiet pożittivi li trid tkun iblah jekk tipprova tiċħadhom.

Bħal pereżempju: il-ħolqien ta’ suq kontinentali dejjem aktar magħqud fil-qasam tal-prodotti u ftit anqas, tas-servizzi; il-ħolqien ta’ spazju kontinentali fejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi membri jistgħu jiċċaqalqu, jgħixu u jaħdmu bla xkiel; il-ħolqien ta’ struttura ta’ ħarsien fl-oqsma soċjali, tal-ħelsien tal-kelma u tas-saltna tad-dritt.

REŻILJENZA

Interessanti d-dibattiti li jqumu fi ħdan il-Knisja Kattolika dwar materji li jikkonċernaw it-tmexxija tagħha jew it-twemmin li twassal. Minkejja l-istrutturi awtoritarji li bihom titmexxa u l-mod riġidu li bih it-twemmin tagħha jitħares, il-Knisja weriet reżiljenza eċċezzjonali matul is-sekli. Sadattant, strutturi oħra, anke demokratiċi, fallew fuq li fallew.

Forsi nitgħallmu kif dil-ħaġa kienet u baqgħet possibbli billi nsegwu l-kontroversji u d-dibatti interni tal-lum. Il-modi kif jiġu trattati, midfuna jew imperrċa, ma jiġux ivvintati mil-lum għal għada hekk kif jinqalgħu d-disputi. Ġew imsinna matul is-sekli u urew kemm huma effettivi.

Il-mistoqsijiet li jqumu huma – Kif qed jiġu addattati għal żminijietna? Żiedu jew naqqsu mill-effettività tagħhom?

Sport