Rapport maħruġ mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), juri li għal din is-sena, pajjiżna se jerġa’ jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha taż-żona tal-Ewro. Dan hekk kif Malta mistenni li jkollha rata ta’ tkabbir ta’ 3.8%.
Ir-rata ta’ pajjiżna hi aktar minn ħames darbiet ogħla mill-medja taż-żona tal-Ewro. Wara Malta, hemm Spanja u Greċja li l-esperti tal-IMF qed ibassru li dawn iż-żewġ pajjiżi se jkollhom rata ta’ tkabbir ta’ 2.5%, segwiti minn Ċipru bi 2.2%.
Għas-sena d-dieħla, Malta u l-Irlanda huma mbassra li se jkollhom l-akbar tkabbir ekonomiku (3.3%).
Sadanitant, l-IMF qed ibassar li ukoll li Malta se jkollha l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi taż-Żona Ewro, kemm għal din is-sena u anke għas-sena d-dieħla. Huwa mbassar li r-rata ta’ qgħad f’Malta se tkun fil-livell ta’ 3.1% fl-2023 u 3.2% fl-2024. Din l-istess rata hija inqas mid-doppju tal-medja fiż-żona Ewro.
B’reazzjoni fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif l-IMF irreveda ‘l fuq it-tbassir tiegħu għal pajjiżna u qed jaraw lil Malta bħala l-aktar ekonomija fl-Unjoni Ewropea li se tikber b’rata mgħaġġla din is-sena u s-sena d-dieħla. Fl-istess waqt li Malta hi mbassra li se jkollha l-inqas rata ta’ qgħad fl-2023 u fl-2024.
Il-Prim Ministru tenna li l-Budget 2024 se jara li l-ekonomija tagħna tkompli tissaħħaħ.