Saturday, December 21, 2024

Malta bl-inqas rata ta’ faqar assolut minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

Skont riċerka u studju ppubblikati riċentament mill-Joint Research Centre, li huwa direttorat ta’ riċerka tal-Kummisjoni Ewropea, Malta għandha l-inqas rata ta’ faqar assolut minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Biex jiddeterminaw dawk f’sitwazzjoni ta’ faqar assolut, ir-riċerkaturi Ewropej iddeterminaw il-livell ta’ dħul bażiku li persuna għandha bżonn biex tkun tista’ tipparteċipa b’mod adekwat fis-soċjetà.

Din l-analiżi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll prodotti u servizzi li jingħataw b’xejn mill-Istat u tasal għall-ammont ta’ dħul li għandha bżonn persuna biex ikollha nutrizzjoni meħtieġa, housing diċenti, trasportazzjoni essenzjali, protezzjoni medika kif ukoll bżonnijiet soċjali adekwati (bħal pereżempju, vaganza darba fis-sena mhux neċessarjament safra, internet, mobile, ħruġ limitat f’ristoranti, etċ). Dan il-kalkolu sar b’mod differenti għal ħames kategoriji ta’ nies ta’ età differenti abbażi ta’ informazzjoni xjentifika.

Fil-każ ta’ Malta, bħala medja għall-popolazzjoni sħiħa, dan id-dħul huwa ta’ €500 fix-xahar, li naturalment kien ikun ferm ogħla kieku f’pajjiżna m’għandniex diversi servizzi essenzjali mogħtija b’xejn, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni, childcare, miżati fuq eżamijiet, it-trasport, sussidju qawwi fuq il-kirjiet u diversi servizzi oħra. 

Fil-fatt, dan l-ammont ta’ €500 huwa nofs l-ammont li għandhom bżonn il-ġirien tagħna fl-Italja u tliet darbiet anqas minn dak li għandu bżonn xi ħadd biex jgħix adekwatament fid-Danimarka. Dan jirrifletti differenzi fl-għoli tal-ħajja u kemm u jekk jingħatawx servizzi b’xejn, jew parzjalment b’xejn, f’pajjiżi differenti, fost fatturi oħra.

B’dan il-kejl Malta għandha biss 1.5% tal-popolazzjoni f’sitwazzjoni li m’għandhiex dħul biżżejjed biex tipparteċipa b’mod adekwat fis-soċjetà. Dan hu għaxar darbiet anqas mill-proporzjon ta’ nies li huma meqjusa f’riskju ta’ faqar relattiv f’pajjiżna.

Ir-riżultat huwa simili meta wieħed iħares lejn it-tfal, fejn Malta għandha wkoll l-inqas rata ta’ tfal f’sitwazzjoni ta’ faqar assolut fl-Unjoni Ewropea kollha.

Ir-riżultati ta’ dan l-istudju huma simili ħafna għal dak li joħroġ minn indikaturi eżistenti taċ-ċaħda materjali u soċjali, li juru lil pajjiżna bħala wieħed bl-inqas rati fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, dan l-istudju jikkonferma li mentri f’ħafna pajjiżi Ewropej dawk meqjusa f’sitwazzjoni ta’ faqar relattiv huma wkoll f’sitwazzjoni ta’ faqar assolut, f’Malta l-maġġoranza assoluta ta’ dawk f’riskju ta’ faqar relattiv huma f’qagħda ferm aħjar li jipparteċipaw b’mod adekwat fil-ħajja soċjali.

Dan jirriżulta minħabba l-fatt li biex ma titqiesx f’riskju ta’ faqar relattiv, persuna single f’Malta fis-sena li fiha saret ir-riċerka msemmija, kellha bżonn dħul ta’ aktar minn €812 fix-xahar. Dan l-ammont ta’ dħul huwa 42% ogħla mil-limitu ta’ dħul li kien jintuża fl-2012 għax dak iż-żmien id-dħul tal-familji kien ferm inqas. Din iż-żieda tirrifletti t-tkabbir għoli fid-dħul medju tal-popolazzjoni li kellna f’pajjiżna fl-aħħar snin u mhux xi żieda kbira fil-prezz tal-oġġetti u ta’ servizzi meħtieġa biex tgħix ħajja adekwata.

Fil-fatt, il-kejl tal-inflazzjoni mill-2012 ’l hawn jindika li l-oġġetti u s-servizzi għolew b’9%, ċioè anqas minn kwart ta’ kemm għola d-dħul tal-familji Maltin u Għawdxin bħala medja. Li kieku wieħed iżomm il-limitu tad-dħul tal-2012 u jżidu bl-inflazzjoni biss, kieku r-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar relattiv f’Malta tkun biss terz tar-rata li qed tirriżulta mil-limitu tad-dħul użat mill-Eurostat bħalissa.

Il-limitu tad-dħul ta’ €812 fix-xahar għal persuna single li jistabbilixxi min huwa f’riskju ta’ faqar relattiv f’Malta, jitla’ għal €1,218 fix-xahar għal koppja, u saħansitra għal €1,705 fix-xahar għal familja b’żewġt itfal żgħar.

Huwa proprju għalhekk li qed jirriżulta minn dan l-istudju riċenti li f’Malta l-maġġoranza ta’ dawk f’riskju ta’ faqar relattiv huma f’qagħda ferm aħjar li jipparteċipaw b’mod adekwat fil-ħajja soċjali.

Dan il-fatt, flimkien mar-riżultat ta’ dan l-istudju tal-Joint Research Centre tal-Kummissjoni Ewropea, juri kemm huwa kruċjali li wieħed ma jħarisx lejn kejl wieħed biex jikkwantifika l-fenomenu tal-faqar f’pajjiżna.

Mitlub jikkummenta dwar ir-riżultati ta’ dan l-istudju, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li għal darba oħra għandna konferma kemm il-politika soċjali u ekonomika tal-gvern qed tħalli l-frott fil-ġlieda kontra l-faqar.

Huwa sostna li s-sistema tal-protezzjoni soċjali f’pajjiżna b’mod partikolari, megħjuna minn oqsma oħra ta’ servizzi essenzjali, hija verament tarka u xibka biex dak li jkun ma jaqax f’faqar assolut.

Il-Ministru Falzon tenna l-impenn tal-gvern li jibqa’ jdaħħal aktar benefiċċji u servizzi sabiex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Ekonomija

Sport