Sunday, December 22, 2024

Malta bl-ogħla numru ta’ investigazzjonijiet fuq reati transnazzjonali għal kull ras

… meta mqabbla mal-kumplament tal-pajjiżi membri

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sa tmiem l-2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew kellu 1,117-il investigazzjoni attiva b’danni ġennerali stmati ta’ €14.1 biljun, li kważi nofshom (47%) irriżultaw minn frodi tal-VAT. Fl-2022, l-UPPE irċieva u pproċessa 3,318-il rapport ta’ kriminalità u fetaħ 865 investigazzjoni.

Barra minn hekk, il-Qrati fl-Istati Membri akkordaw l-iffriżar ta’ €359.1 miljun f’investigazzjonijiet tal-UPPE (meta mqabbel ma’ €147.3 miljun fl-2021), li jirrappreżenta aktar minn seba’ darbiet il-baġit tal-2022 tal-organizzazzjoni.

Fuq bażi lokali infetħu 14-il investigazzjoni li l-ammont relatat magħhom jammonta għal madwar €123.5 miljun. Tlieta minn dawn l-investigazzjonijiet huma relatati ma’ frodi tal-VAT b’danni stmati madwar €70.5 miljun. 

Ħamsa minn dawn l-investigazzjonijiet kienu magħquda ma’ investigazzjonijiet oħra, b’hekk sal-aħħar tas-sena 2022 kien hemm 9 investigazzjonijiet pendenti. Filwaqt li 4 minn dawn l-investigazzjonijiet huma trans-nazzjonali (cross-border).

Qal dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard meta kien qed jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi li se jipprovdi għat-tisħiħ tal-funzjoni tal-UPPE. Dan l-uffiċċju huwa responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Dawn jinkludu reati ekonomiċi u finanzjarji bħall-użu ħażin tal-fondi, il-ħasil tal-flus, il-frodi tal-VAT u l-korruzzjoni. 

Fuq bażi lokali, il-Ministru Attard irrimarka r-relazzjoni pożittiva li llum pajjiżna u l-istituzzjonijiet tagħna għandhom ma’ dan l-uffiċċju. Għalkemm irrikonoxxa li fil-bidu kien hemm kwistjonijiet ta’ komunikazzjoni, huwa qal li jidher ċar li pajjiżna bħal dejjem impenja ruħu biex ikattar relazzjoni b’saħħitna ma’ istituzzjoni oħra Ewropea.

Il-Ministru Attard tenna li llum Malta qiegħda twettaq l-ogħla numru ta’ investigazzjonijiet fuq reati transnazzjonali għal kull ras meta mqabbla mal-kumplament tal-pajjiżi membri. 

“Pajjiżna llum huwa mudell ta’ kif għandna nipparteċipaw b’mod attiv ħafna u li jkollok koperazzjoni b’saħħitha ħafna ma’ istituzzjoni daqstant importanti fuq livell Ewropew,” tenna jgħid il-Ministru Attard.

Sadanittant, huwa spjega li fost in-neċessitajiet oħra li l-Gvern ra li kien hemm bżonn li jiġu emendati, kien hemm fil-kliem attwali, tal-Artikolu 518 tal-Kodiċi Kriminali, li jirregola l-aċċess għall-atti u dokumenti tal-qrati tal-ġustizzja kriminali.

Attwalment, kif inhu, kien qed jillimita l-kooperazzjoni effettiva xierqa bejn l-UPPE u l-awtoritajiet nazzjonali, bħal eżempju il-Korp tal-Pulizija.

Intqal li dan l-abbozz ser jipprovdi sabiex il-Prosekuturi nkarigati f’isem (“l-UPPE”), ikollhom l-għoti ta’ aċċess għall-atti u dokumenti tal-qrati tal-ġustizzja kriminali u għall-atti tal-inkjesti Maġisterjali konklużi (dawk imsejjha processi verbali), meta, u hawn nagħmel enfasi – u biss meta, dawn jittrattaw kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE.

L-abbozz, barra minn hekk, jiċċara ukoll il-kwistjoni li possibbilment tista’ tinħoloq, f’każ li jkollok nuqqas ta’ qbil bejn il-Pulizija u l-Prosekutur Pubbliku Ewropew dwar jekk każi jew imġieba kriminali partikolari taqax taħt il-kompetenza tal-UPPE jew le.

“U propju għalhekk qed jiġi introdott Artikolu ieħor ġdid, li se jittratta l-Inkjesti Maġisterjali,” qal il-Maġistrat Attard. “Bl-inklużjoni ta’ dan l-artikolu, meta tali inkjesti jinżammu fuq kwistjonijiet li l-UPPE huwa kompetenti biex jinvestiga, il-Maġistrat li jkun qed imexxi din l-inkjesta għandu jgħaddi r-rapport, l-informazzjoni jew l-ilment li abbażi tiegħu l-inkjesta lill-Prosekuturi Delegati Ewropej fi żmien tlett (3) ijiem ta’ xogħol mid-deċiżjoni li ssir l-inkjesta.”

“Min-naħa l-oħra, fejn jirrigwardja nkjesti li jkunu diġà bdew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-artikolu l-ġdid, il-Maġistrat li jippresjedi se jkun obbligat jinforma lill-Prosekuturi Delegati Ewropej bl-inkjesta b’massimu ta’ sittin (60) jum minn meta l-artikolu jidħol fis-seħħ.”

Ekonomija

Sport