Friday, December 13, 2024

Malta Dairy Products tniedi ġbejniet ippasturizzati b’togħmiet ġodda

Aqra wkoll

Malta Dairy Products Ltd, il-produtturi tal-prodotti tal-ħalib frisk Benna, nedew żewġ togħmiet ġodda ta’ ġbejniet, il-Ġbejna Moxxa u l-Ġbejna Sagħtar u Kosbor, li jikkumplimentaw il-varjetà ta’ togħmiet ta’ ġbejniet li diġa toffri.

Magħmulin minn ħalib frisk Malti u ppasturizzat, il-Ġbejna Moxxa hija ġobna ratba u għalhekk versatili kemm biex tissajjar jew tittiekel kif inhi. Il-Ġbejna Sagħtar u Kosbor hija kemxejn iebsa u mħawra b’togħma Mediterranea tas-sagħtar u l-kosbor.

Dawn il-ġbejniet huma l-ingredjent ideali biex iżżewwaq kwalunkwe platt bħall-għaġin, insalati, torti jew anke biex jittieklu waħedhom ma’ kisra ħobż jew bil-galletti.

Malta Dairy Products ilha tipproduċi ġbejniet friski, pasturizzati u ppakkjati b’mod sigur, sa mill-1990.

Hija l-unika kumpanija Maltija li ilha toffri prodotti magħmulin mill-ħalib frisk u sigur għal aktar minn 80 sena. Minkejja s-snin, il-prodotti tal-Benna għadhom jiżguraw is-serħan tal-moħħ tal-konsumatur mingħajr ma jikkompromettu t-togħma friska u n-nutrizzjoni tal-prodotti magħmulin mill-ħalib lokali.

Kuljum isir monitoraġġ tal-katina sħiħa tal-provista tal-ħalib mir-razzett sal-platt, inkluż il-pasturizzazzjoni.

Malta Dairy Products Ltd hija sussidjarja tal-KPH Group, il-Koperattiva li tiġbor fi ħdanha r-raħħala li jrabbu l-baqar tal-ħalib, u ilha tipprovdi prodotti magħmulin mill-ħalib frisk u prodotti oħra sa mill-1938.

Ekonomija

Sport