Sunday, May 19, 2024

Malta Dairy Products ukoll affettwata minn temperaturi estremi

Minbarra l-qtugħ fid-dawl tal-fabbrika, il-baqar ukoll naqqsu l-produzzjoni fi proċess naturali

Aqra wkoll

Malta Dairy Products Ltd., il-fornitur ewlieni lokali ta’ ħalib frisk 100% Malti, qed tinforma lill-pubbliku li minħabba qtugħ tad-dawl fil-fabbrika l-kumpanija bħalissa qed tesperjenza diffikultajiet biex iżżomm il-livelli ta’ produzzjoni tal-ħalib tas-soltu, u dan kapaċi jkollu impatt fuq id-disponibbiltà ta’ ċerti prodotti fis-suq fil-jiem li ġejjin.

Il-qtugħ tad-dawl fil-fabbrika ta’ Malta Dairy Products qed ixekkel b’mod sinifikanti l-kapaċità li jiġu prodotti l-kwantitajiet ta’ ħalib tas-soltu meħtieġa biex tintlaħaq id-domanda pubblika li qed tiżdied.

Filwaqt li l-ġeneraturi backup huma f’posthom u qed jaħdmu, qed jitħabtu biex ilaħħqu minħabba s-sħana eċċessiva; dan it-temp estrem. Dan wassal għal tnaqqis temporanju fil-produzzjoni u se jkun qed jaffettwa l-katina tal-provvista regolari.

Ta’ min jinnota wkoll li, minbarra l-isfidi tal-elettriku, il-kumpanija qed tiffaċċja wkoll tnaqqis naturali fil-produzzjoni tal-ħalib mill-baqar lokali. Peress li l-kundizzjonijiet tat-temp saru estremament niexfa u sħan, ir-rispons naturali mill-baqar huwa li jipproduċu inqas ħalib matul dan il-perjodu. Dan huwa fenomenu naturali li jiġri kull sajf u jiġi lura għan-normal ladarba t-temperatura tiksaħ aktar tard matul is-sena.

Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi, Malta Dairy Products qed tassigura lill-pubbliku li qed isir xogħol b’diliġenza biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq il-klijenti tagħha. Minkejja r-restrizzjonijiet, il-kumpanija se tkompli tipproduċi prodotti tal-ħalib lokali friski, għalkemm fi kwantitajiet potenzjalment aktar baxxi mis-soltu.

L-għan primarju ta’ Malta Diary Products jibqa’ l-kwalità u s-sigurtà tal-prodotti tagħha għall-konsumaturi tagħha. Il-kumpanija tixtieq tenfasizza li minkejja l-isfidi tal-provvista, qed tittieħed kull miżura biex jiġi żgurat li l-freskezza u l-integrità tal-prodotti tal-ħalib jinżammu fl-ogħla standard.

Huwa importanti li wieħed jinnota li Malta Dairy Products ma tikkompromettix il-kwalità tal-ħalib tagħha billi tirrikorri għal sorsi alternattivi. Malta Dairy Products hi kburija li tipprovdi 100% ħalib frisk Malti, miġbur minn rziezet lokali tal-ħalib, lill-klijenti madwar il-gżejjer.

Malta Dairy Products tixtieq sinċerament tiskuża ruħha għal kwalunkwe inkonvenjent li din is-sitwazzjoni tista’ tikkawża u testendi l-gratitudni tagħha għall-appoġġ kontinwu tal-pubbliku matul dan iż-żmien ta’ sfida. It-tim qed jaħdem bla heda f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti biex isolvi dawn il-kwistjonijiet u jerġa’ jġib in-normalità fil-proċessi ta’ produzzjoni u provvista kemm jista’ jkun malajr.

Sport