Hekk kif matul il-ġurnata tal-lum il-midja internazzjonali kienet iddominata mill-”attakk” li seħħ fuq il-Polonja, ilejla fil-Parlament Malti l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg qal li Malta tibqa’ dejjem favur il-ħarsien tas-sovranità Ukrena u tibqa’ semma leħinha favur it-tmiem tal-Gwerra.
Il-Ministru Borg kien qiegħed iwieġeb mistoqsija supplimentari tad-Deputat Laburista Randolph Debattista li staqsieh biex jagħti aġġornament dwar l-inċident bil-missili li seħħ fil-Polonja.
Waqt li kien qiegħed iwieġeb din il-mistoqsija l-Ministru Borg sostna li bħala pajjiżna minħabba li aħna newtrali qed nieħdu sehem fi programm ta’ mekkaniżmu li jagħti għajnuna finanzjara – mhux militari – lill-Ukranja.
Il-Ministru sostna li Malta hi parteċipi wkoll fis-sanzjonijiet internazzjonali li huma mposti fuq ir-Russja.
Qal ukoll li l-fatt li Malta se tkun qed tidħol fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħqud kif ukoll se jkun hemm l-ewwel anniversarju tal-invażjoni fl-Ukrajna li se jseħħu fi Frar – li huwa x-xahar meta Malta jkollha l-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà – huwa ta’ sfida addizzjonali għal Malta.