Tuesday, December 24, 2024

Malta eletta b’maġġoranza assoluta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda

Aqra wkoll

Malta ġiet eletta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda b’185 vot, li jfisser 97.3% tal-voti mitfugħa. Għaldaqstant pajjiżna ser ikollu siġġu fuq dan il-kunsill għal terminu ta’ sentejn, mill-2023 sal-2024 u huwa wieħed minn żewġ pajjiżi Ewropej eletti.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg qal li din hija ġurnata storika għal Malta għall-fatt li l-membri tan-Nazzjonijiet Magħquda wrew il-fiduċja fil-politika, fil-prinċipji u fil-prijoritajiet li tħaddan Malta fil-politika barranija tagħha.

Il-Ministru Borg irringrazzja lill-pajjiżi kollha li fdaw din ir-responsabbiltà f’pajjiżna anke fid-dawl li Malta temmen fil-bżonn tal-paċi internazzjonali. Huwa kompla jgħid li Malta verament tħaddan u ser tkompli tissalvagwardja l-prinċipji mniżżla fil-Karta tan-Nazzjonijiet.

“Aħna determinati li nagħtu s-sehem tagħna fil-preservazzjoni ta’ proċessi multilaterali u fil-bini tal-fiduċja u r-rieda politika meħtieġa biex niffaċċjaw dawn l-isfidi li għandna llum. Bħala sostenituri konvinti tal-multilateraliżmu, għandna interess fundamentali li nżommu l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regola importanti, dik fejn il-qawwa u l-potenza ma jirbħux fuq is-saltna tad-dritt. Dan huwa vitali għal kulħadd, inkluż għal stati żgħar bħal Malta”, qal il-Ministru Borg.

Malta ser tkun qed tmexxi fuq tliet prinċipji importanti: is-sigurtà, is-sostenibbiltà u s-solidarjetà. “Fit-terminu tagħna f’dan il-kunsill qed naraw li nkomplu nimbuttaw ’il quddiem suġġetti bħall-protezzjoni tat-tfal, it-theddida tat-tibdil fil-klima, l-importanza tal-litteriżmu bħala mod kif niġġieldu l-kunflitti, u l-irwol importanti tal-mara, fost oħrajn,” tenna l-Ministru għall-Affarijiet Barranin. 

Dr Ian Borg irringrazzja lill-Ambaxxatriċi Maltija Vanessa Frazier u lit-tim tagħha li ilu għaddej b’ħidma u b’negozjati għal dan l-aħħar żmien sabiex pajjiżna seta’ jikseb dan ir-riżultat prestiġjuż.

Ekonomija

Sport