Greċja…………………..8
Malta …………………..3
(3-2, 0-0, 3-1, 2-0)
It-team nazzjonali Malti li qed jieħu sehem fil-Kampjonat Ewropew Under/19 tasl-waterpolo f’Podgorica, Montenegro, sofra telfa li biha falla li jikseb post fil-kwarti-finali biex issa se jilgħab għal post mid-9 sat-12-il wieħed.
Wara li fi Grupp A t-team beda b’telfa 15-9 kontra Spanja u wara għeleb lir-Repubblika Ċeka 13-9, fl-aħħar logħba sofra telfa ristretta ta’ 8-7 kontra l-Olanda.
Hawnhekk il-moral tal-players tal-coach Anthony Farrugia kien wieħed għoli, u meta bdew il-logħba tal-bieraħ kien hemm l-illużjoni li setgħu jakkwistaw post iktar ‘il fuq meta bdew il-logħba żewġ goals fil-vantaġġ.
Madankollu, il-Griegi ħasbuha mod ieħor għax dawru l-iskor favur tagħhom u minn hemmhekk qatt ma ħarsu lura,
Kien Sam Gialanze li fetaħ l-iskor għal Malta wara 1:50 minuta u aktar tard rdoppja l-iskor meta konna bi player iktar fil-pitch.
Ir-rimonta tal-Griegi bdiet meta kien fadal 2:51 minuti għat-tmiem tas-sessjoni fejn kien Evangelos Pouras li naqqas il-marġni bid-draw jiġi miksub minn Nikolaos Kastrinakis u seba’ sekondi mit-tmien Nikolaos Gkillas tefagħhom fil-vantaġġ bil-goals kollha jaslu bil-logħob miftuħ.
Fit-tieni sessjoni ġrat ħaġa xi ftit rari fil-waterpolo meta ma ġie skorjat l-ebda goal fejn l-uniċi ta’ nota kienu li kull team kellu żewġ players imkeċċija temporanjament jiġifieri ħadd ma approfitta mill-vantaġġ mumeriku li kellu.
It-tielet sessjoni rat lill-Maltin jiksbu d-draw 3-3 meta kien Alec Fenech li sab ix-xibka bi players iktar. Iżda l-Griegi bdew jersqu lejn ir-rebħa meta skorjaw tliet darbiet oħra minn Dimitrios Bouzalas, Semir Spachits u Nikolaos Gkillas li kollha ġew bil-logħob miftuħ.
Wara kważi erba’ minuti mill-ftuħ tar-raba’ sessjoni Sam Gialanze kellu l-uniku penalty tal-logħba salvat bil-logħba tintemm b’żewġ goals oħra Griegi minn Evangelos Pouros, l-ewwel bi player iktar u t-tieni bil-logħob miftuħ.
Greċja: 1-Ioannis Karakouras; 2-Dimitrios Prodromos Bouzalas (1); 3-Ioannis Tottis; 4-Andreas Bitsakos; 5-Andreas Almyras; 6-Nikolaos Kastrinakis (1); 7-Nikolaos Gkillas (2); 8-Semir Spachits (1); 9-Anastasios Mylios; 10-Vangelos Pouros (3); 11-Christos Bitsakos; 12-Apostolos Georgaras; 13-Nektarios Iliopoulos.
Malta: 1-Andrew Bugeja; 2-Daniel Tully; 3-Sam Gialanze (2); 4-Kiryan Borg; 5-Jake Cachia; 6-Russell Caruana; 7-Jayden Cutajar; 8-Mark Castillo; 9-Matthew Mifsud; 10-Jake Bonavia (c); 11-Alec Fenech (1); 12-Gianni Farrugia; 13-Matthew Bonello Du Puis.
Referees: Erwin Schapers (Olanda), Karel Dvoracek (Rep. Ċeka).