Wednesday, April 24, 2024

Jagħti n-nar lilu nnifsu bħala protesta kontra l-funeral statali ta’ Shinzo Abe

Aqra wkoll

Rapporti mill-Ġappun qed jgħidu li raġel ta n-nar lilu nnifsu bħala protesta kontra l-funeral statali tal-eks Prim Ministru Shinzo Abe li kien assassinat f’Lulju li għadda. Huma mijiet id-dinjitarji li mistennija jattendu għal dan il-funeral li se jsir fis-27 ta’ Settembru. 

Kienu persuni għaddejjin minn ħdejn il-bini tal-uffiċċju tal-Prim Ministru li rrapportaw li kien hemm raġel qed jagħti n-nar lilu nnifsu. Immedjatament numru ta’ uffiċjali marru fuq il-post u tfew dawn in-nirien. Ir-raġel jidher li kien għadu konxju u ttieħed immedjatament l-isptar. Madwar dan ir-raġel instabu għadd ta’ messaġġi li indikaw li hu għamel dan bħala protesta kontra l-funeral statali. Il-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa, u rapporti fil-midja qalu li dan ir-raġel għandu madwar 70 sena.

L-oppożizzjoni għall-funeral statali ta’ Abe hija waħda b’saħħitha ġewwa l-Ġappun u kompliet tintensifika f’dawn l-aħħar xhur hekk kif il-poplu mhux kuntent bin-nefqa li dan se jġib miegħu. Abe kien inqatel b’arma tan-nar fit-8 ta’ Lulju waqt rally politiku. 

Il-kritika kontra l-funeral statali żdiedet wara li sar magħruf li Abe kellu konnessjonijiet ma’ dik magħrufa bħala l-Knisja tal-Unifikazzjoni li hija waħda kontroversjali ħafna ġewwa dan il-pajjiż. Hu mifhum ukoll li r-raġel li qatel lil Abe għamel dan minħabba li l-Knisja tal-Unifikazzjoni kienet faqq­ret lill-familja tiegħu. 

Sport