Malta Employers ippreżentat id-Dokument tagħha ta’ Qabel il-Budget 2027 lill-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja, fejn appellat lill-Gvern biex iħabbar Budget trasformattiv li jindirizza lill-pajjiż lil hinn minn espansjoni bbażata fuq il-popolazzjoni u l-konsum lejn tkabbir sostenibbli bbażat fuq il-produttività, valur miżjud akbar, l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-esportazzjoni.
L-Assoċjazzjoni qalet li bħala l-ewwel Budget ta’ din il-leġislatura, dan għandu jittraduċi l-Viżjoni 2050 fi prioritajiet ċari, riżultati li jistgħu jitkejlu u deċiżjonijiet dixxiplinati fejn jidħol investiment. L-Assoċjazzjoni tagħraf il-prestazzjoni b’saħħitha tal-pajjiż fir-rigward ta’ tkabbir sostnut u livell baxx ta’ qgħad. Madankollu, dawn iċ-ċifri jaħbu nuqqas strutturali li dejjem jikber, fejn l-ekonomija qed tespandi biż-żieda ta’ aktar nies minflok biż-żieda tal-valur iġġenerat minn kull ħaddiem. Dan il-mudell qed jintensifika l-pressjoni fuq il-proprjetà, it-trasport, l-enerġija, id-drenaġġ, il-kura tas-saħħa, is-servizzi pubbliċi u l-ambjent.
Malta Employers issostni li meta wieħed iqis il-limitazzjoni ta’ pajjiżna fejn tidħol art, ħaddiema u infrastruttura, it-tkabbir ma jistax jibqa’ jiġi sostnut ikun x’ikun il-prezz, u li n-nefqa pubblika għandha tiġi evalwata skont x’valur toħloq, aktar milli x’viżibiltà politika twassal. In-nefqa preżenti li ssostni l-konsum fuq medda qasira ta’ żmien mingħajr żieda fil-produttività għandha tiġi indirizzata lejn investiment fuq medda itwal ta’ żmien: teknoloġija, ħiliet, infrastruttura diġitali, sigurtà tal-enerġija, kapaċità industrijali, effiċjenza regolatorja u ħila fl-esportazzjoni.
Għalhekk, l-Assoċjazzjoni qed tipproponi qafas baġitarju mibni madwar sitt prijoritajiet: trasformazzjoni ekonomika; aġenda dwar il-produttività nazzjonali appoġġjata mit-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali; edukazzjoni u ħiliet; infrastruttura u investiment; governanza tajba u kwalità tal-ħajja u benesseri soċjali.
F’dan il-kuntest, il-Budget 2027 għandu jagħti l-bidu għal dan il-proċess. Filwaqt li l-Malta Employers tagħraf li fl-aħħar snin il-gvern introduċa xi inċentivi li jippromwovu investiment fit-teknoloġija, hi qed issejjaħ għal bidla deċisiva fl-enfasi lejn investiment sostnut li jwettaq trasformazzjoni ekonomika permezz ta’ investiment kapitali, teknoloġija ġdida, intelliġenza artifiċjali, u t-t-tħarriġ u l-għoti ta’ ħiliet ġodda lill-ħaddiema.

