“Kruċjali r-relazzjonijiet man-nies”-l-eks Prim Ministru tal-Kanada Justin Trudeau

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-tmexxija ta’ pajjiż mhuwiex proċess faċli iżda huwa kruċjali li jinbnew relazzjonijiet u konnessjonijiet man-nies u mas-setturi kollha tas-soċjetà. Dan stqarru l-eks Prim Ministru tal-Kanada Justin Trudeau waqt intervista li saritlu mill-President u Kap Eżekuttiv tal-World Travel and Tourism Council (WTTC) Gloria Guevara. Trudeau kien f’Malta biex jattendi s-Summit Globali tal-WTTC li tlaqqa’ f’pajjiżna din il-ġimgħa. 

Waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet li sarulu minn Guevara, Trudeau insista li m’hemm xejn aħjar jew li jista’ jieħu post il-fatt li tiltaqa’ ma’ xi ħadd wiċċ imb wiċċ u taqsam miegħu l-istejjer u l-esperjenzi. Qal li huma proprju dawn l-interazzjonijiet umani u l-bini ta’ rabtiet personali li jagħmlu d-differenza.

“Meta titkellem ma’ individwi, mexxejja u nies fin-negozju, huwa importanti li ssir tafhom, tibni fiduċja u taħdem flimkien magħhom,” tenna l-eks Prim Ministru Kanadiż. “Il-bini ta’ relazzjonijiet interpersonali huwa importanti ħafna.”

Mistoqsi dwar it-turiżmu, huwa semma’ kif fil-Kanada, il-Gvern investa bil-kbir fl-infrastruttura u filwaqt li ffaċilita wkoll kampanji ta’ reklamar internazzjonali bil-għan li jħajjar aktar nies iżuru lill-pajjiż. Hawn kompla jenfasizza l-importanza tas-settur turistiku għall-ekonomija Kanadiża iżda qal li t-turiżmu mhix biss azzjoni ekonomika. 

F’dan ir-rigward, huwa semma’ l-impjiegi u x-xogħol li qed jinħoloq f’dan is-settur. B’mod partikolari l-impjiegi għaż-żgħażagħ, li għalihom dawn l-esperjenzi jmorru ferm lil hinn mix-xogħol innifsu, għaliex jgħinu jsawru t-tip ta’ adulti li jixtiequ jsiru fil-futur.

Barra minn hekk, Trudeau qal li t-turiżmu mhuwiex biss dwar impjiegi u numri. Qal li l-fatt li n-nies ikollhom l-opportunità li jżuru postijiet ġdda, igawdu esperjenzi u kulturi differenti, ikunu jridu jivvjaġġaw u jesploraw, huwa dak li jagħmel it-turiżmu daqstant importanti. 

F’kummenti oħra, Trudeau rrefera wkoll għall-fatt li ħafna Kanadiżi kienu mħassba dwar il-qsim tal-fruntiera mal-Istati Uniti. Qal li tul dawn l-aħħar snin kien hemm ċertu livell ta’ ansjetà fost il-Kanadiżi dwar l-ivvjaġġar lejn l-Istati Uniti. 

Semma’ kif kienu l-Kanadiżi stess li għażlu li ma jmorrux l-Istati Uniti. Meta n-numru ta’ turisti beda jonqos, l-operaturi turistiċi u l-linji tal-ajru bdew inaqqsu l-prezzijiet. Madankollu, il-Kanadiżi xorta waħda għażlu li ma jivvjaġġawx lejn l-Istati Uniti.

Mistoqsi dwar x’kienet l-aktar miżura li “għamlitu kburi” tul il-mandat tiegħu ta’ Prim Ministru kienet dik ta’ “$10 a day for childcare” li qal li għamlet differenza kbira madwar il-pajjiż filwaqt li l-aktar ħaġa li sab diffiċli kienet il-livell ta’ miżinformazzjoni li “beżżgġħet lin-nies” u żammithom milli jieħdu l-vaċċini waqt il-pandemija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport