Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol, Jonathan Attard flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, żaru s-sit fejn Infrastructure Malta tinsab fl-aħħar stadji tal-ewwel fażi ta’ proġett ta’ restawr fuq il-ħitan ta’ sostenn tal-mini ta’ Santa Venera b’investiment ta’ madwar €1 miljun, li nbnew lejn l-aħħar tas-snin tmenin bħala parti mill-proġett oriġinali tal-mini.
“Żorna x-xogħlijiet li qed isiru f’din l-ewwel fażi ta’ xogħlijiet li qegħdin isiru minn Infrastructure Malta fuq restawr ta’ ħajt li jagħti għall-mini ta’ Santa Venera, ħitan li kienu parti mill-istess proġett u li kellhom bżonn intervent kemm mill-aspett ta’ sigurtà imma wkoll mill-aspett ta’ inkonvenjenti li jistgħu joħolqu jekk kemm-il darba jkun hemm deterjorazzjoni ulterjuri tagħhom,” sostna l-Ministru Attard.
Ix-xogħlijiet qed isiru fuq medda infrastrutturali importanti li tgħaqqad Triq is-Sebħ mal-mini ta’ Santa Venera fid-direzzjoni lejn it-Tramuntana. Wara kważi erba’ deċennji esposti għall-elementi u għall-infiltrazzjoni tal-ilma, il-ġebel ta’ dawn il-ħitan iddeterjora b’mod konsiderevoli, u għalhekk kien meħtieġ intervent speċjalizzat biex tiġi mħarsa l-integrità tal-istruttura fit-tul.
Minflok ma jitwaqqa’ l-ħajt u jinbena mill-ġdid, Infrastructure Malta qed twettaq xogħlijiet speċjalizzati ta’ restawr biex tippreserva l-istruttura eżistenti u ssaħħaħ il-kundizzjoni tagħha. It-timijiet tekniċi qed jintervjenu fuq il-blokok tal-ġebla tal-franka li ddeterjoraw, jużaw metodi speċjalizzati għat-tisħiħ tal-ġebel u japplikaw trattamenti biex titnaqqas l-infiltrazzjoni tal-ilma u jiġi limitat ir-riskju ta’ deterjorament fil-futur.
Il-Ministru Attard irrikonoxxa wkoll il-fatt li din il-ħidma speċjalizzata qiegħda ssir minn ħaddiema Maltin taħt is-superviżjoni ta’ perit.
“Nirringrazzja wkoll lill-bdiewa li kkoperaw biex din il-ħidma tkun tista’ tiżvolġi b’tali mod li l-materjal ikun jista’ jiġi ppreparat min-naħa ta’ fuq mingħajr ma tnaqqas spazju mit-toroq ta’ taħt l-istess ħitan,” temm jgħid il-Ministru.
Min-naħa tiegħu l-perit David Vassallo qal li nħass il-bżonn ta’ intervent sostanzjali ta’ manutenzjoni fuq dawn il-ħitan biex wieħed dejjem jissalvagwardja t-toroq arterjali u distributorji. “Fl-aħħar xhur konna għaddejjin b’dan il-proġett estensiv f’fażijiet differenti fejn qegħdin naħdmu billi jittella’ scaffolding u jsir l-intervent parti parti. Dan ix-xogħol kollu qiegħed isir mingħajr ebda effett fuq it-traffiku,” spjega Vassallo.
Huwa qal ukoll li x-xogħol li qed isir jinvolvi xogħol partikolari ħafna fejn il-ġebel kollu li għandu l-ħsara qiegħed jinbidel ma’ ġebel ġdid li jinħadem apposta mill-ħaddiema tal-kuntrattur. “Ix-xogħol qiegħed isir b’galbu partikolari biex ma jkun hemm l-ebda periklu, kemm għall-ħaddiema u kif ukoll għal dawk li jużaw it-toroq taħt il-proġett,” qal il-perit.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul, il-Perit Janice Borg u l-Kap tat-taqsima tal-manutenzjoni Roderick Caruana.

