Friday, November 15, 2024

Malta fdata biex isservi fuq il-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth għas-sentejn li ġejjin

Aqra wkoll

Il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth f’Kigali fdat lil Malta biex isservi fuq il-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth (CMAG) għat-tielet darba mill-bidu tiegħu fl-1995.

Il-Grupp ta’ Azzjoni jfittex li jivvaluta u jappoġġa s-sostenn tal-valuri fundamentali tal-Commonwealth inklużi l-paċi, id-demokrazija, is-separazzjoni tas-setgħat, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. Malta kienet diġà nħatret biex isservi fis-CMAG għall-perjodi bejn l-2005 u l-2007 u bejn l-2015 u l-2017, minħabba li kienet il-President fil-kariga, fl-2005 u l-2015, rispettivament. Din id-darba, iċ-CHOGM ħass li kien opportun li Malta tintalab isservi fuq is-CMAG bħala eżempju tal-valuri li fuqhom kienet imwaqqfa din l-assoċjazzjoni.

It-tema ġenerali għaċ-CHOGM 2022 kienet dik ta’ “Delivering a Common Future: Connecting, Innovating, Transforming”. Kien hemm tliet temi ewlenin fuq l-aġenda tal-Ministeri għall-Affarijiet Barranin u l-Kapijiet tal-Istat. B’referenza għall-punt ta’ “Paċi, Demokrazija u Governanza Tajba”, Malta wriet l-impenn tagħha li tipparteċipa fuq is-CMAG. Fir-rigward tal-irkupru ta’ wara l-Covid-19, id-delegazzjoni Maltija sostniet li l-ebda pajjiż ma jista’ jkun mhux ippreparat għat-theddida għas-saħħa li jmiss u li inizjattivi bħall-inizjattiva “WHO/Europe Small Countries” li qablet fuq pjan għal saħħa aħjar fi stati Ewropej żgħar għandhom jiġu replikati f’reġjuni oħra. Rigward is-sostenibbiltà, Malta appellat għal aktar appoġġ lill-istati żgħar sabiex jindirizzaw l-isfidi tagħhom relatati mal-klima, partikolarment iż-żieda fil-livell tal-baħar, flimkien mas-sigurtà tal-ikel u l-aċċess għall-finanzi.

Il-kapijiet qablu wkoll li jestendu l-mandat tas-Segretarju Ġenerali attwali Patricia Scotland għal perjodu ieħor ta’ sentejn, wara li kienet eletta biex isservi fl-irwol fiċ-CHOGM li sar fil-Belt Valletta fl-2015. Malta tistenna li tkompli taħdem magħha u mal-bqija tal-Istati tal-Commonwealth sabiex tkompli tippromovi l-valuri fundamentali tal-Commonwealth.

Ekonomija

Sport