Tuesday, December 17, 2024

Malta f’dinja mibdula

Aqra wkoll

Aħna parti mid-dinja għalkemm mhix l-ewwel darba li naħsbu li aħna d-dinja u ftit nagħtu każ bis-serjeta’ x’qed jiġri fil-bqija tad-dinja. Imma ħafna minn dak li jiġri fil-bqija tad-dinja jolqotna għax aħna pajjiż li ilna sekli bilfors ngħixu mal-bqija tad-dinja għax ċkejknin wisq biex inkabbru u nipproduċu dak li għandna bżonn għall-ħajjitna, bilfors irrid inbiegħu lill-pajjiżi l-oħra.

Aħna fost l-aktar pajjiżi fid-dinja li nintlaqtu tajjeb u ħażin minn dak li jiġri fid-dinja u li spiss m’għandna l-ebda kontroll fuqu ħlief li nippruvaw intaffuh jekk jolqotna ħażin u jekk inkunu għaqlin nieħdu l-opportunitajiet li jinqalgħu.

Dak li ġara Każan fir-Russja f’laqgħa għolja bejn it-22 u 24 ta’ Ottubru 2024 se jkun qed jolqotna għax se jolqot lid-dinja kollha. F’Każan iltaqgħu l-BRICS, organizzazzjoni ta’ koperazzjoni li twieldet fis-sena 2006 bejn il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina.

Ilhom 18-il sena jaħdmu biex jaraw kif jaħdmu flimkien għall-ġid tal-popli tagħhom.

Fis-sena 2010 ingħaqdet magħhom l-Afrika t’Isfel. Mill-bidu ta’ din is-sena daħlu wkoll l-Għarabja Sawdita, l-Eġittu, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Iran u l-Etjopja u BRICS saret BRICS+. Hemm iżjed minn 40 pajjiż ieħor li qed juru nteress li jidħlu f’din l-organizzazzjoni. It-tisħiħ ta’ BRICS+ turi kif qed jinbidlu r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi fid-dinja u qed titwieled dinja multipolari.

F’dinja li qed tinbidel

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija kellna dinja bipolari: b’żewġ qawwiet kbar li rebħu dik il-gwerra: l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika. Fl-aħħar tas-snin 80 waqgħet u sfaxxat l-Unjoni Sovjetika u kellna dinja unipolari: b’qawwa waħda kbira – l-Istati Uniti. Seba’ snin ilu dik id-dinja bdiet tinbidel għax tfaċċaw qawwiet oħra: iċ-Ċina u r-Russja u minn dinja b’qawwa waħda bdiet tifforma dinja b’qawwiet kbar differenti anki jekk l-Istati Uniti baqgħet l-iżjed b’saħħitha biċ-Ċina tissaħħaħ ħafna ekonomikament u l-Istati Uniti bdiet tinkwieta li se tilħaqha u tgħaddieha.

F’Każan il-BRICS+ iddiskutew kif jaħdmu iżjed flimkien fl-oqsma politiċi u ta’ sigurta’, fl-ekonomija u fil-finanzi u fir-rabtiet kulturali u umanitarji. Iddiskutew kif jiżviluppaw sistema kif iħallsu għall-kummerċ bejniethom biex ma jibqgħux jiddependu fuq id-dollaru u fuq is-sistema bankarja ddominata mill-Istati Uniti. Dan il-pass qed iġib u se jkompli jġib tibdiliet kbar fid-dinja.

Oqsma oħra li ddiskutew huma l-koperazzjoni biex jilqgħu għat-tibdil fil-klima, biex jaħdmu flimkien fl-enerġija, kif jassiguraw il-kummerċ lejn xulxin u kif jikkollaboraw fix-xjenza u t-teknoloġija. Dawn il-pajjiżi qed jieħdu dawn il-passi biex isaħħu l-koperazzjoni bejniethom għax jaraw kif fl-aħħar snin żdiedu miżuri finanzjarji u kummerċjali min-naħa tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea kontra pajjiżi oħra bħar-Russja, iċ-Ċina u l-Iran għal diversi raġunijiet.

Dawn il-pajjiżi tal-BRICS+ ma ħadux sehem f’dawn is-sanzjonijiet u ma jaqblux li jintużaw is-sistema finanzjarja u l-kummerċ bħala arma ta’ gwerra. Qed jipproteġu lilhom infushom biex ma jiġrilhomx l-istess. S’issa l-BRICS+ jiġbru fihom 40% tal-popolazzjoni tad-dinja u joħolqu iżjed minn kwart tal-ġid fid-dinja u aktar min-nofs tat-tkabbir ekonomiku dinji.

Il-pajsaġġ ekonomiku dinji nbidel mis-sena 1992 meta l-aktar pajjiżi żviluppati (il-G7) kienu joħolqu 45.5% tal-ġid dinji u l-pajjiżi tal-BRICS kienu joħolqu 16.7% tal-ġid dinji. Fis-sena 2023 il-pajjiżi miġbura fil-BRICS qed joħolqu 37.4% tal-ġid dinji waqt li l-G7 joħolqu 29.3%. Dis-sena l-BRICS se jkollhom rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 4%, ħafna ogħla mill-1.7% tal-G7 u mit-3.2% tar-rata dinjija tat-tkabbir. Imma sadattant dawn il-pajjiżi għandhom biss inqas minn 15% tas-saħħa tal-vot xħin jittieħdu deċiżjonijiet fil-Bank Dinji u l-Fond Monteraju Internazzjonali li huma ddominati mill-Istati Uniti u l-blokk alleat tal-Punent.

Miżmuma dgħajfa

It-tisħiħ tal-BRICS+ huwa parti mill-proċess storiku li beda wara t-Tieni Gwerra Dinjija meta sfaxxaw l-imperi antiki bħal dawk tar-Renju Unit u Franza u ħafna popli bdew jieħdu l-indipendenza politika tagħhom. Fl-1945 kien hemm 51 stat li welldu n-Nazzjonijiet Uniti. Illum l-istati żdiedu għal 193. Imma dawn l-istati fejn jgħixu iżjed minn 80% tal-popolazzjoni tad-dinja ftit għandhom piż u saħħa xħin jiġu biex jittieħdu deċiżjonijiet li jolqtuhom fis-sistemi finanzjarji u ekonomiċi tad-dinja li għadhom iddominati mill-Istati Uniti.

Dawn il-pajjiżi tal-BRICS+ u oħrajn qed jaħdmu biex ifasslu sistemi internazzjonali ġodda għall-bżonnijiet tal-popli tagħhom. Aħna se nkomplu nintlaqtu minn dan it-taqlib u tibdil, l-aktar jekk inkomplu niġu mġiegħla nagħżlu bejn li nkunu mal-blokk tal-Istati Uniti kontra l-bqija, meta hu fl-interess tagħna li nkunu ħbieb ta’ kulħadd u ma niġġieldu ma’ ħadd.

Photo Caption : F’Każan iltaqgħu l-BRICS, organizzazzjoni ta’ koperazzjoni li twieldet fis-sena 2006 bejn il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina.

F’Każan il-BRICS+ iddiskutew kif jaħdmu iżjed flimkien fl-oqsma politiċi u ta’ sigurta’, kif jiżviluppaw sistema kif iħallsu għall-kummerċ bejniethom biex ma jibqgħux jiddependu fuq id-dollaru u fuq is-sistema bankarja ddominata mill-Istati Uniti.

Ekonomija

Sport