Thursday, December 26, 2024

Malta fost l-iktar pajjiżi fejn isiru proċeduri speċjalizzati b’suċċess fuq persuni li jsofru minn stroke

Aqra wkoll

Permezz tal-Isptar Mater Dei, Malta ġiet meqjusa bħala waħda mill-iktar pajjiżi fejn qed isiru proċeduri ta’ mechanical thrombectomy fuq pazjenti li jkunu qed isofru minn stroke. Fil-fatt, Malta tpoġġiet fl-istess kategorija ta’ pajjiżi bħall-Belġju u bħall-Iżvizzera, li huma rinomati għal dan is-servizz.

Waqt żjara fid-Dipartiment tal-Medical Imaging fl-Isptar Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ra l-mod li bih l-investiment kontinwu fl-apparat avvanzat tal-isptar qed jgħin lill-professjonisti jiddeterminaw il-kundizzjoni tal-pazjenti f’ ħin iqsar u kif qed iwassal biex tingħata kura iżjed preċiża u mill-iktar fis.

Il-Konsulent Reuben Grech spjega li r-riżultati tal-pazjenti rikoverati fl-isptar bi stroke qed jitjiebu. Dan kemm permezz tal-apparat mediku tal-isptar li jikkonferma f’ħin iqsar li s-sintomi tal-pazjent huma kkawżati minn stroke kif ukoll permezz ta’ proċeduri moderni, bħalma hija l-mechanical thrombectomy. Huwa fisser li l-pazjenti bi stroke li kienu f’kundizzjoni li tippermetti li ssir din il-proċedura żdiedu sostanzjalment minn meta beda jingħata dan is-servizz, tmien snin ilu, b’żieda ta’ 300%.

Id-deputat prim ministru ngħaqad ma’ Dr Grech f’appell lill-persuni li jħossu s-sintomi ta’ stroke sabiex jirrikorru immedjatament l-emerġenza għall-għajnuna fid-dawl li f’dawn il-każijiet il-ħin huwa prezzjuż biex ikunu salvati ċ-ċelloli tal-moħħ u l-pazjent jirkupra bl-aħjar mod.

Filwaqt li faħħarhom tar-rikonoxximent internazzjonali, id-Deputat Prim Ministru Fearne irringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-dipartiment li bi sforz konġunt qed isalvaw ħajjiet li qabel kienu jintilfu.

Ekonomija

Sport