Saturday, May 18, 2024

Raġel arrestat wara li allegatament ipprova jsuq fuq il-Pulizija waqt kontroll tat-traffiku f’Ħ’Attard

Tinstab sustanza bajda suspettata kokaina fil-vettura filwaqt li fir-residenza tiegħu nstabu aktar drogi

Aqra wkoll

Raġel ta’ 35 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, il-lejl illi għadda ġie arrestat wara li allegatament ipprova isuq fuq il-Pulizija wara li naqas milli jieqaf waqt kontroll tat-traffiku li kien qiegħed isir fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard.

Il-każ li seħħ għall-ħabta tal-11.00pm tal-bieraħ filgħaxija, meta l-pulizija għamlu sinjal lix-xufier li kien qed isuq Ford Transit li deher li kellu l-liċenzja skaduta.

Minkejja li għamlulu s-sinjali biex jieqaf, is-sewwieq żied il-veloċità fid-direzzjoni tal-pulizija, li kellhom iwarrbu min-nofs sabiex ma jintlaqtux u ħarab minn fuq il-post.

Għaldaqstant, il-pulizija bdew isegwuh sakemm iċċirkondawh fi Triq Ħ’Attard, Ħaż-Żebbuġ.
F’dal mument, is-sewwieq deher jarmi xi ħaġa mill-vettura, li wara rriżultat li kienet arma tan-nar li kienet ikkargata bil-balal. Għalkemm is-sewwieq beda jirreżisti, il-pulizija rnexxielhom iżommuh u jarrestawh.

Minn tfittxija li saret fil-vettura, il-Pulizija sabu kontenitur li fih kien hemm sustanza bajda, suspettata kokaina. Saret ukoll tfittxija f’garaxx f’Birkirkara u f’residenza tal-arrestat f’Ħaż-Żebbuġ fejn instabet iktar sustanza suspettata kokaina, eroina u kannabis, kif ukoll imwieżen, sikkina kbira b’xafra ta’ madwar 45cm u diversi balal ta’ kalibri differenti.

Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija, fil-Furjana għal aktar stħarriġ.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Sport