Thursday, December 26, 2024

Malta għaddejja b’ħidma ma’ diversi setturi dwar l-obeżità

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Diversi pajjiżi madwar id-dinja qegħdin jieħdu azzjoni rigward il-problema tal-obeżità. Dan hekk kif minn rapport li ħareġ mill-Federazzjoni Dinjija tal-Obeżità juri li r-rata ta’ ħxuna żejda mistennija tkompli tikber globalment. L-istess studju wera li sas-sena 2025 huwa stmat li se jkun hemm 80% tal-irġiel u 64% tan-nisa Maltin li jbatu minn obeżità.

F’dan ir-rigward, bħalissa Malta għaddejja b’ħidma ma’ diversi setturi, inklużi skejjel, kunsilli lokali, postijiet tax-xogħol, u komunitajiet bil-għan li tingħata l-għajnuna meħtieġa lil dawk kollha li se jkunu jew qegħdin ibagħtu minn din il-kundizzjoni.

Barra minn hekk f’Malta ġew ppublikati diversi linji gwida għal min iħaddem dwar is-saħħa u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol. L-istess linji gwida se jkunu qegħdin jagħtu appoġġ fuq il-postijiet tax-xogħol, partikolarment pariri dwar il-kontroll ta’ saħħa u promozzjoni ta’ ikel bnin.

Dan kollu ġie spjegat mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci f’intervista li kellha ma’ Talk.mt. Hi fissret ukoll li hemm kampanja li ilha għaddejja biex tippromwovi stil ta’ ħajja aħjar, magħrufa bħal ‘’Better Me’’. Apparti saħħa, din il-kampanja tindirizza wkoll id-determinanti soċjali.

Qalet li d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard qiegħed joffri wkoll programmi bla ħlas għall-immaniġġjar tal-piż. Dawn jinżammu fuq perjodu ta’ 12-il ġimgħa u jinkludu kemm komponent nutrittivi kif ukoll komponent ta’ attività fiżika. Profs Gauci sostniet li programmi bħal dawn għenu mijiet ta’ nies biex inaqqsu l-ħxuna u allura l-piż.

Ftit ilu, l-istess studju tal-Federazzjoni Dinjija tal-Obeżità qal li fl-2035 l-irġiel Maltin mistennija jkunu d-disa’ l-aktar ħoxnin fid-dinja. L-istess rapport juri wkoll li aktar min-nofs il-popolazzjoni tad-dinja mistennija li jkollha piż żejjed jew inkella li se jkunu qegħdin ibagħtu minn obeżità. Bħalissa madwar 2.6 biljun persuna fid-dinja, jiġifieri 38% tal-popolazzjoni dinjija diġà għandhom piż żejjed jew obeżità. Huwa maħsub li dan l-ammont se jkompli jitla għal aktar minn 4 biljuni fi żmien tnax-il sena.

L-obeżità qed tiżdied l-iktar fost it-tfal u ż-żgħażagħ. Din qed tiżdied b’rata iktar mgħaġġla minn dik tal-adulti. Minħabba f’hekk ir-rata mistennija titla’ b’100% fost is-subien taħt it-18-il sena, li se jaffetwa 208 miljun persuna. L-iktar li se jiżdied huwa fost il-bniet u huwa mistenni li r-rata tilħaq il-125%. Dan ifisser li se jkunu affetwati 175 miljun tfajla taħt it-18-il sena.

Skont il-Federazzjoni, l-inqas pajjiżi ppreparati biex jitrattaw żieda fl-obeżità huma; in-Niġer, il-Papwa Ginea Ġdida, is-Somalja, in-Niġerja u r-Repubblika Ċentru-Afrikana. Id-direttriċi tax-xjenza tal-federazzjoni, Rachel Jackson Leach wissiet li jekk dawn ma jieħdux azzjoni soda, il-pajjiżi bi dħul baxx u medju se jkunu inqas kapaċi li jindirizzaw l-obeżità u kaġun t’hekk se jkunu huma li jbagħtu konsegwenzi kbar.

Min-naħa tiegħu l-President tal-Federazzjoni, il-Professur Louise Baur qal li dan ir-rapport juri biċ-ċar x’inhu mistenni għal futur. Huwa qal li jekk il-problem tal-obeżità ma tiġix indirizzata mmedjatament, se jkun hemm riskji u riperkussjonijiet serji fil-futur.

Ekonomija

Sport