Sunday, December 22, 2024

Malta għandha tibqa’ barra mill-militariżmu tal-UE

“Għandna nsostnu n-newtralità b’kull mezz”

Aqra wkoll

Il-Grupp Newtralità u Paċi

Malta għandha tiddikjara l-pożizzjoni tagħha konformi mal-istatus tan-newtralità biex tibqa’ barra minn kull ħidma konġunta militari u minn kull proposta tal-Unjoni Ewropea għal ħidma konġunta militari bejn il-pajjiżi membri tal-UE, inkluż li tieħu sehem f’xi armata tal-UE jew li ddaħħal xi lieva militari Ewropea.

Dan kien l-aktar punt kruċjali li enfasizza l-Grupp Newtralità u Paċi li għadu kif twaqqaf bil-għan li jsostnu n-newtralità ta’ Malta kif dikjarata fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Il-Grupp insista wkoll li l-Gvern Malti għandu jibqa’ jitkellem fuq in-newtralità ta’ pajjiżna b’narrattiva ta’ paċi, ta’ sigurtà u ta’ progress soċjali bejn il-pajjiżi kollha. Dan billi Malta ma tidħol fl-ebda laqgħat u diskorsi ta’ ftehim militari b’mod dirett jew indirett filwaqt li tibqa’ żżomm l-aħjar relazzjonijiet possibbli man-nazzjonijiet kollha.

Sammy Meilaq, wieħed mill-fundaturi tal-Grupp, spjega f’konferenza tal-aħbarijiet kif bħala Grupp ħejjew manifest li huwa mibni fuq in-neċessità li Malta, bi dritt kollu, tibqa’ barra mill-politika militarista tal-UE kif ukoll tibqa’ barra milli tiddaħħal fi spejjeż ta’ militarizzazzjoni.

“Qed insostnu fuq in-newtralità mhux sempliċiment għax hi mniżżla fil-kostituzzjoni imma għaliex nemmnu li hi tajba. In-newtralità b’ħidma favur il-paċi. Legalment, in-newtralità tagħtina wkoll is-sigurtà,” qal Meilaq.

Huwa tenna li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qegħdin jitolbu laqgħat ma’ istituzzjonijiet konċernati fosthom il-Gvern u l-Oppożizzjoni u anke se jaħdmu sabiex kemm jista’ jkun ikollhom l-appoġġ tal-pubbliku.

“In-newtralità diġà tat prova konkreta li hi ta’ benefiċċju kbir għal Malta u għandna nsostnuha b’kull mezz,” temm jgħid Sammy Meilaq.

Il-Grupp Newtralità u Paċi huwa kompost ukoll minn Dr Alfred Sant, Yana Mintoff, Robert Micallef, Vincent Camilleri, Andre Callus, Christine Cassar, Alfred Micallef, Matthew Attard, George Saliba u Victor Degiovanni.

Ekonomija

Sport