Friday, December 27, 2024

“Malta għandha tkompli taħdem fuq policy ta’ immigrazzjoni ġusta”

Il-Ministru Byron Camilleri

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri stqarr li fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni jeħtieġ li nitkellmu aktar u jkun żball jekk nieqfu nitkellmu dwar dan.

Fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, huwa stqarr li Malta għandha tkompli taħdem fuq policy ta’ immigrazzjoni ġusta. Stqarr li bejn wieħed u ieħor f’Malta nofs il-persuni li jiġu fostna u jitolbu d-dritt l-ażil, dan jingħatalhom mentri n-nofs l-ieħor ma jkollhomx dan id-dritt.

Fuq dawn tal-aħħar, spjega l-Ministru Camilleri, Malta jeħtieġ li jkollha policy u taħdem sabiex dawk il-persuni ikunu ritornati fil-pajjiż tal-oriġinu tagħhom. Però qal li mbagħad fl-aħħar snin kellek fenomenu ieħor, ta’ persuni li jidħlu fil-pajjiż u jinstab li jkunu qed jirrisjedu illegalment. 

Il-Ministru Camilleri qal li fl-aħħar ġimgħat u xhur kien hemm enfasi akbar sabiex isiru aktar spezzjonijiet fuq dawn il-persuni kif ukoll fuq dawk li jkunu qed jabbużaw minnhom. 

Qal li matul il-jum tat-Tnejn kien hemm operazzjoni oħra fejn persuni nqabdu jaħdmu irregolarment. Qal ukoll li kien hemm episodji fejn persuni nstabu jgħixu ġo rziezet, xi ħaġa li ddeskrivieha bħala “mhux aċċettabbli”. 

“Irridu naraw li permezz ta’ operazzjonijiet ta’ infurzar, dawn l-affarijiet ma jerġgħux isiru. Huwa tajjeb li l-awtoritajiet tagħna jaħdmu sabiex dawk l-affarijiet jinqabdu u naraw li kulħadd josserva l-liġi,” tenna l-Ministru Camilleri.

Ekonomija

Sport