Thursday, April 25, 2024

Malta għandha tmexxi l-ġlieda għall-ugwaljanza fil-Mediterran

Aqra wkoll

“Għandna opportunità quddiemna biex Malta tieħu rwol ċentrali fil-mixja għall-ugwaljanza fiż-żona tal-Mediterran”, saħaq il-Membru tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer waqt konferenza organizzata mid-Dipartiment SOGIGESC fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi bit-tema “Is-saħħa fid-diversità”.

“Malta mhix biss qiegħda l-ewwel fil-klassifika Ewropea dwar drittijiet LGBTIQ, iżda ġeografikament qegħdin f’żona tad-dinja li għadha lura fil-mixja għall-ugwaljanza”, qal Engerer filwaqt li saħaq li “bl-organizzazzjoni ta’ EuroPride is-sena d-dieħla, se nkunu qegħdin inġibu dan l-avveniment propju fil-Mediterran, żona li kemm fit-Tramuntana tagħha mdawra b’pajjiżi li għadhom ‘il bogħod fuq drittijiet LGBTIQ bħall-Italja, il-Greċja, Ċipru u l-pajjiżi Balkani, filwaqt li hemm ħafna iktar għadu jrid isir fil-pajjiżi fin-nofsinhar tagħna fl-Afrika ta’ fuq”.

Engerer qal li Malta għandha tieħu rwol attiv madwar id-dinja fuq l-ugwaljanza. “Illum li lħaqna l-quċċata tad-drittijiet għandna nsiru attivisti madwar id-dinja biex immexxu ‘l quddiem id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza. Il-pożizzjoni ġeografika tagħna għandha sservi ta’ eżempju u tama għal dawk kollha ġejjin mill-komunità LGBTIQ madwarna li għadha qed tgħix fil-biża’ u f’segretezza”, qal Engerer.

Hu kkonkluda billi qal li fix-xogħol tiegħu fil-Parlament Ewropew, bl-appoġġ tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u l-Intergroup LGBTIQ fil-Parlament Ewropew se jkompli jiġġieled għall-ugwaljanza mhux biss f’dawk il-pajjiżi Ewropej li għad baqalhom ħafna x’jaqdfu; iżda wkoll fil-kumplament tad-dinja.

Sport