Monday, September 23, 2024

Malta Indipendenti għandha tkun immarkata b’ħajja mmexxija fuq il-fidi u tradizzjonijiet Kattoliċi”- il-Papa Pawlu VI

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bħal-lum sittin sena ilu kienet saret iċ-ċerimonja tal-Indipendenza. Illum iċ-ċelebrazzjonijiet m’għadhomx isiru b’pompa u jidher li l-marka taż-żmien qiegħda tħalli l-effett fuqhom. Donnu li bil-mod il-mod qiegħed jinħass li l-poplu qed jiddistakka ruħu minn dawn l-avvenimenti li anke mid-diskussjoni f’pajjiżna qegħdin dejjem jispiċċaw fil-ġenb.

Il-protagonisti ta’ dawk iż-żminijiet qegħdin ukoll dejjem jonqsu. Għax x’inhi l-istorja? L-istorja, hi dak li ġara fil-passat, dak li għaddew minnu missirijietna. Dan hu dak li jagħmilna dak li aħna llum. Dan jurina għaliex aħna dak li aħna llum. U kemm hu inkwetanti meta nisimgħu min jgħid ‘dak passat, x’jinteressani minn dak li ġara ħamsin, mitt sena ilu jew aktar.

Jien mil-lum jinteressani’. Forsi min jgħid hekk tajjeb, jirrifletti ftit. Forsi anke jiftakar fil-kwotazzjoni famuża tal-awtur Amerikan Robert Heinlein, li “ġenerazzjoni li tinjora l-istorja la għandha passat u lanqas futur”. U fuq kollox biex tifhem dak li qed jiġri madwarek illum ‘trid tfittex f’dak li ġara lbieraħ.”

X’ġara sittin sena ilu… proprju f’Jum l-Indipendenza ta’ pajjiżna?

Minn rapporti li ġew imxandrin dak iż-żmien naqraw li “fost ċapċip li jtarrax u għajjat kontinwu ta’ ‘viva, viva’, Dr Gorg Borg Olivier, l-ewwel Prim Ministru ta’ Malta Indipendenti, xejjer id-dokument ta’ l-istrumenti tal-Kostituzzjoni ta’ Malta Indipendenti.

Il-Prim Ministru kien għadu kif irċieva l-Istrumenti Kostituzzjojnali mingħand l-Altezza Rjali Tiegħu l-Prinċep Filippu, li kien qiegħed jirrappreżenta lill-M.T ir-Reġina Eliżabetta II. Qabel l-għoti tal-Istrumenti Kostituzzjonali, L-E. T Sir Maurice Dorman ħa l-ġurament bħala l-ewwel Gvernatur Ġenerali ta’ Malta Indipendenti. Warajh ħadu l-ġuramenti ta’ lealtà lejn Malta u l-poplu Malti u r-Reġina, il-Prim Ministru u l-Ministri.

Qabel, meta wasal il-Gvernatur Ġenerali, indaqq l-Innu Malti.”
F’diskors lill-poplu Malti, Sir Maurice Dorman irringrazzja lill-Prim Ministru u lill-poplu Malti għall-fiduċja li wrew fih bħala Gvernatur Ġenerali. “Nirringrazzjakom ilkoll, huma x’inhuma l-idejat politiċi tagħkom.

Jiena ukoll issa ninsab ‘indipendenti’ mir-responsabbilità tiegħi lejn il-Ministri tal-Gvern Ingliż u ħadt ir-responsabbilità taħt il-Prim Ministru tiegħi Malti”.

Determinazzjoni

Sir Maurice qal li l-poplu Malti jinsab miexi lejn it-triq ta’ sigurtà u paċi. ‘Iżda, bl-Indipendenza irridu naħdmu ilkoll b’determinazzjoni u kunfidenza għall-unjoni flimkien. Jien ċert li jekk il-Maltin ikomplu jaħdmu kif għamlu fil-passat, huma jirnexxu.”

Wara l-quddiesa iċċelebrata mill-E.T Arċisqof Gonzi, fejn għall-ewwel darba ġiet moqrija l-Epistola u l-Vanġelu bil-Malti miċ-ċelebrant , l-Arċisqof ta l-barka tiegħu lill-poplu Malti.

Messaġġ tal-Papa Pawlu VI

Id-Delegat Appostoliku Igino Cardinale qara messaġġ speċjali mibgħut mill-Q.T il-Papa lill-Arċisqof Gonzi. Il-messaġġ speċjali tal-Qdusija Tiegħu jgħid li minn mindu l-Appostlu Paul ġie fuq il-gżira, il-fidi f’Malta baqgħet ħajja u attiva. Wara sekli ta’ żminijiet, il-gżira ta’ Malta se tiħeu l-indipendenza. “Aħna rridu nuru l-interess ta’ missier f’Malta u l-poplu tagħna.”

Il-Papa esprima x-xewqa tiegħu li ssaltan ħbiberija bejn Knisja u Stat u l-Maltin ikunu ċittadini leali u attivi lejn il-ġid ta’ art twelidhom. “Malta Indipendenti għandha tkun imparata b’ħajja mmexxija fuq il-paċi, ġustizzja u prosperità ibbażati fuq il-fidi u tradizzjonijiet Kattoliċi”, qal il-Papa Pawlu VI.

Il-Gvernatur imbagħad ħa l-ġurament fuq il-Bibbja u wara l-Prim Ministru u l-Ministri tiegħu wieħed wara l-ieħor ħadu l-ġurament fuq il-Kurċifiss.

Messaġġ tar-Reġina

Ma’ l-għoti tas-Salut Rjali, id-Duka ta’ Edinburgħ tfaċċa fil-Parade Ground fil-karozza mikxufa. Wara l-God Save the Queen, id-Duka ħa postu fir-Royal Box u mbagħad qam jaqra messaġġ personali mir-Reġina.

Wara li fakkar iż-żmien li qatta Malta, id-Duka qal li ħadd ma jiċħad li l-Indipendenza iġġib tibdil iżda dan ġie b’rieda tajba u ftehim bejn iż-żewġ naħat li kiber maż-żminijiet.

Il-messaġġ kien jgħid li Malta f’dan iż-żmien kollu taħt l-amministrazzjoni Ingliża qatt ma ntużat għal aggressjoni iżda biex tinżamm il-paċi u l-ordni. “Malta qatt ma heddet, ħlief li min ried jikser l-ordni. Sakemm Malta tibqa’ marbuta bi trattat, b’rieda miż-żewġ naħat, hi tibqa’ sur ta’ paċi.”

Id-Duka issa li l-Indipendenza ħadd m’għandu jimmaġina li se ssolvi l-problemi u d-diffikultajiet, iżda ċertament l-Indipendenza iġġib opportunitajiet aħjar u aktar responsabbilitajiet.

Indirizz tal-Prim Ministru

Il-Prim Ministru imbagħad indirizza lill-poplu Malti. F’diskors entużjażmat hu fakkar li issa ħadd ma jista’ jieħu l-Kostituzzjoni ta’ Malta jew l-Indipendenza. Illum Malta tpoġġiet fuq il-mappa għal dejjem”.

Hu fakkar lill-poplu kemm kienu dawk li ħadmu u stinkaw biex jaraw lil Malta Indipendenti u ħielsa.‘Viva Malta Sovrana u Indipendenti’, għajjat il-Prim Ministru b’eluf ta’ ilħna mill-folla jgħidu warajh.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport