Tuesday, December 24, 2024

MALTA L-GĦIRA TAL-EWROPEJ FID-DRITTIJIET ĊIVILI

Aqra wkoll

Fis-soċjetà li ngħixu fiha, id-drittijiet ċivili huma essenzjali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza, il-ġustizzja u d-dinjità tal-bniedem. Dawn jiggarantixxu li kull individwu jingħata trattament ugwali u protezzjoni bil-liġi irrilevanti mir-razza, etniċità, ġeneru, reliġjon, diżabilità jew karatteristiċi oħra. 

Huwa proprju fuq dawn id-drittijiet u protezzjoni li ħadem qatigħ il-Partit Laburista kemm ilu fil-Gvern. 11-il sena ta’ ħidma li fihom iċ-ċittadin tpoġġa fiċ-ċentru tal-politika biex illum il-ġurnata pajjiżna mhux biss huwa fuq ta’ quddiemnett fejn jidħlu drittijiet ċivili imma, kif qalet il-kandidata Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Claudette Abela Baldacchino, Malta saret l-għira ta’ ħutna l-Ewropej.

Riformi saru, kif saru wkoll liġijiet li jipproteġu lil kull individwu f’pajjiżna. F’dawn is-snin Gvern Laburista, minkejja l-isfidi, ra li d-drittijiet ċivili jieħdu posthom fis-soċjetà tagħna. Mill-2013 rajna impenn ċar u effettiv favur kull wieħed u waħda minnha. Ibda biż-żgħir, il-vulnerabbli u dawk iżolati. Fost dawn insemmu l-komunità LGBTIQ+, id-dritt għad-divorzju u edukazzjoni li toffri opportunitajiet indaqs lil kulħadd.

Fil-fatt, Malta dejjem tissemma’ għall-ħidma ma taqta’ xejn f’dan l-ambitu. Saħansitra wasalna biex Maltija – Helen Dalli – intgħażlet biex tkun l-ewwel Kummissarju Ewropea responsabbli għall-ugwaljanza u d-drittijiet ċivili. Rwol prestiġġjuż fuq livell Ewropew iżda, aktar minn hekk, ħidmet Dalli tista’ tkun kruċjali biex dak li ntlaħaq f’pajjiżna, jintlaħaq ukoll f’pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea.

Il-ħidma tkompli għax minkejja dan il-progress kollu li sar, għad fadal fejn jista’ jkun hemm aktar titjib. Dan b’mod speċjali fejn tidħol id-diskrepanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. Fir-rigward insemmu kemm il-General Workers’ Union (GWU), fejn il-ħaddiema li huma organizzati fiha, ħadmet u għadha taħdem ħafna. Tant huwa hekk li l-ftehim kollettivi kollha li tagħmel jispeċifikaw proprju dan – li l-pagi jkunu ndaqs mingħajr diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa meta dawn jagħmlu l-istess xogħol.

Għaldaqstant nemmnu li din id-diskrepanza għandha tiġi indirizzata llum qabel għada biex f’dan is-settur, id-drittijiet ċivili tal-ħaddiema nisa jkunu verament miksuba. Soċjetà ġusta u progressiva titlob drittijiet indaqs.

Ekonomija

Sport