L-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Moody’s poġġiet lil Malta fil-quċċata tal-pajjiżi mbassra li se jkollhom l-akbar tkabbir ekonomiku għal matul din is-sena. Fil-fatt ir-rata ta’ Malta kienet dik ta’ 3.5% u dan meta l-medja taż-żona Ewro mistennija tkun ta’ ftit aktar minn 1%.
Wara Malta, fost il-pajjiżi li mistennija wkoll jirreġistraw tkabbir ta’ aktar minn 2.5% hemm l-Irlanda, Ċipru u l-Kroazja. It-tbassir għal pajjiżi bħal Franza, Belġju, il-Ġermanja, l-Italja u l-Finlandja huwa ta’ inqas minn 1%.
Fost il-fatturi li jitkellmu fuq l-esperti ta’ Moody’s jispikka wkoll l-użu ta’ fondi Ewropej, fejn huma biss il-Lussemburgu, l-Italja u l-Estonja li mistennija jkollhom allokazzjoni ta’ fondi Ewropej relattivament aktar minn Malta fl-2024.
Minkejja li l-investiment pubbliku se jibqa’ sostnut bis-saħħa ta’ dan il-gvern, pajjiżna xorta se jkollu tnaqqis fid-defiċit li ferm aktar mill-medja taż-Żona Ewro.
Skont Moody’s, ċerti pajjiżi se jesperjenzaw impatti negattivi kbar fl-ekonomija minħabba tneħħija tas-sussidji li se jaffettwaw il-familji u n-negozji.
Kuntrarjament pajjiżna se jżid dan l-appoġġ filwaqt li jirnexxielna nżommu l-piż tad-dejn skont il-livelli permessibbli fl-Unjoni Ewropea.