Quddiem il-gwerra fl-Ukrajna, fejn proprju ftit jiem ilu Malta kienet stiednet lill-President tal-Ukrajna Zelenskyy biex jindirizza l-Parlament Malti, liema stedina intlaqgħet, l-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonniċi meta kkuntattjat minn IT-TORĊA iddikjara b’mod ċar ħafna li “Malta m’għandhiex tieħu naħa jew oħra f’din il-gwerra. Jekk se nagħtu għajnuna umanitarja lil naħa irridu ukoll nagħtu għajnuna lin-naħa l-oħra. Jekk se nġibu suldati Ukreni biex jiddewwew f’Malta, għandna noffru lir-Russi biex jibagħtu suldati tagħhom jiddewwew hawn ukoll”.
Karmenu Mifsud Bonniċi, li dejjem tkellem b’mod ċar ħafna fuq in-newtralità ta’ pajjiżna, saħaq li “skont jien Malta m’għandhiex tieħu naħa jew oħra f’din il-kwistjoni. Kull m’għandha tagħmel Malta hu li tinsisti li għandu jkun hemm attentati għal sforzi ta’ ftehim u jekk hi tagħti xi għajnuna umanitarja lil naħa tara li tagħti dik l-istess għajnuna umanitarja lin-naħa l-oħra. Jekk uħud mill-feruti tal-Ukrajna jinġabu f’Malta biex jiddewwew, għandna noffru lir-Russi biex jiġu Malta u jiddewwew huma ukoll”.
Enfasizza li “irridu nitrattawhom l-istess bħal xulxin. Ngħid li fil-gwerra tal-Ukrajna hemm l-Istati Uniti tal-Amerka li qed tinqeda bl-Ukrajna kontra ir-Russja. Din mhix biss gwerra bejn ir-Russi u l-Ukreni imma l-Ukreni qed jidhru għall-Amerikani. Il-flus, munizzjon u armamenti ġejjin mill-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-Punent. L-Unjoni Ewropea flok qed timxi bil-politika tagħha u ssolvi l-kwistjoni, daħlet fil-kwistjoni billi qed tgħin naħa kontra naħa oħra. Hu fl-interess tal-Ewropa li mar-Russja ikun hemm paċi u mhux gwerra. Is-sanzjonijiet li saru mill-Unjoni Ewropea qed juru li aħna qed inmorru kontra ir-Russja. Flok se nġibu l-paċi qed inqarrbu għal gwerra aktar wiesa”.
Dwar in-newtralità, il-Kostituzzjoni ta’ Malta tiddikjara li “Malta hija stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-siġurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha billi jħaddan politika ta’ non-allineament u jirrofta li jipparteċipa f’kull alleanza militari.”
Il-Kostituzzjoni tgħid li “l-ebda bażi militari barranija ma titħalla fuq territorju Malti.” Tgħid ukoll li jistgħu jiġu forzi barranin jekk Malta titlob li dawn il-forzi jiddefenduha għax ikun hemm theddida għan-newtralità, is-sovranità u l-integrità territorjali tagħha jew biex tiġi segwita deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.