Malta miegħek: Arja kkundizzjonata f’10 skejjel oħra, bl-akbar investiment li qatt sar fl-iskejjel tal-Istat

Il-Budget 2027 jalloka €1.3 biljun għall-edukazzjoni

Aqra wkoll

Ser tibda l-installazzjoni tal-arja kkundizzjonata f’għaxar skejjel oħra tal-Istat, bħala parti mill-akbar investiment li qatt sar fl-arja kkundizzjonata fl-iskejjel. Programm simili se jitwettaq kull sena sakemm l-iskejjel kollha jkunu mgħammra bl-arja kkundizzjonata.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Budget 2027, li jalloka €1.3 biljun għas-settur edukattiv.

Il-Ministru qal li l-arja kkundizzjonata fl-iskejjel kienet waħda mill-akbar kwistjonijiet li tqajmu miegħu. “Aħna ngħixu f’pajjiż sħun u l-iskejjel tagħna llum jintużaw tul is-sena kollha. Nifhem it-tħassib ta’ ġenituri u edukaturi li jekk l-iskola tagħhom mhux se ssir ġdida, se jibqgħu mingħajr arja kkundizzjonata. Huwa tħassib li se nindirizzaw,” qal il-Ministru Camilleri.

L-investiment huwa msejjes fuq tliet pilastri. L-ewwel, l-iskejjel kollha li qed jinbnew jew jiġu rinnovati se jkollhom l-arja kkundizzjonata. It-tieni, programm ġdid ta’ installazzjoni f’għaxar skejjel oħra, li jitlestew għas-sena skolastika 2027/2028. It-tielet, sejħa kompetittiva biex investituri jużaw is-soqfa vojta tal-iskejjel għall-pannelli fotovoltajċi u, bħala parti mill-ħlas, jagħmlu tajjeb għall-arja kkundizzjonata f’aktar skejjel. Id-dettalji ta’ dan il-pilastru se jingħataw fix-xhur li ġejjin.

Il-Ministru spjega li l-installazzjoni fi skola mhijiex sempliċi daqs it-twaħħil ta’ unit. “Skola għandha klassijiet b’għexieren ta’ studenti u swali li jilqgħu mijiet. Dak kollu li jsir irid isir skont il-parir tal-esperti, inkella l-investiment ikun għalxejn.” Żied li l-investiment irid ikopri wkoll it-titjib fis-sistemi u l-provvista tal-elettriku, xi drabi anke b’substation ġdida.

Il-Ministru qal ukoll li s-sena d-dieħla se tkun sena rekord għal skejjel ġodda, b’Ħal Qormi (€15-il miljun), in-Naxxar (€21.5 miljun) u ż-Żebbuġ, Għawdex (madwar €4 miljun), flimkien mal-Higher Secondary tan-Naxxar. Għaddej ukoll ix-xogħol preparatorju fuq skola ġdida fil-Mellieħa.

Dan parallel ma’ ħidma oħra, din id-darba ta’ tisbiħ fl-iskejjel eżistenti li ssir minn Edu Infrastructre – L-allokazzjoni għal dan il-programm se tiżdied minn €6 miljun għal €8 miljun, għal aktar xogħlijiet ta’ tisbiħ fl-iskejjel eżistenti.

Fir-rigward tal-edukaturi, ġie ffirmat il-ftehim kollettiv tal-Junior College u ntlaħaq ftehim ieħor ma’ grupp ta’ ħaddiema fl-MCAST li ser jiġi ffirmat il-ġimgħa li ġejja. Se jkun hemm ukoll investiment akbar fit-taħriġ ta’ LSEs ġodda li jiġu ngaġġati.

L-istipendji se jiżdiedu għal kulħadd bl-ekwivalenti tal-COLA, filwaqt li matul l-2027 se jiġu introdotti stipendji għal studenti fil-qasam marittimu u għal dawk li qed iħejju ruħhom għal-liċenzja ta’ pilota. Se jinħolqu wkoll spazji ta’ kalma fl-iskejjel għal tfal newrodiverġenti.

“Pajjiżi oħra l-istudenti jipprotestaw fit-toroq. Hawn inżidulhom l-istipendju. Għax dan Gvern li jkun miegħek f’kull pass tal-ħajja. U meta l-Gvern ikun miegħek, Malta tkun miegħek,” temm il-Ministru Camilleri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport