Sunday, December 22, 2024

Malta mistennija li jkollha l-presidenza tal-OSCE fl-2024

Aqra wkoll

Malta kompliet tkabbar il-prestiġju tagħha fl-isfera internazzjonali meta illum il-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) ħejja t-triq biex pajjiżna jassumi l-Presidenza tal-OSCE fl-2024. 

B’hekk Malta se tkompli tkun vuċi b’saħħitha fil-fora internazzjonali. Dan ukoll jingħaqad mal-fatt li Malta kienet ivvutata b’maġġoranza kbira ħafna biex tkun membru mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. 

Id-deċiżjoni li Malta tassumi l-Presidenza tal-OSCE s-sena d-dieħla, ġiet approvata b’mod unanimu mill-Kunsill Permanenti tal-OSCE, li rrakkomanda wkoll lill-Gvernijiet tas-57 pajjiż biex japprovaw formalment il-ħatra ta’ Malta. 

Dan l-iżvilupp seħħ waqt laqgħa tal-Kumitat Preparatorju tal-OSCE li saret fi Vjenna, li kellu l-għan ukoll li jiddiskuti u jipprepara d-deċiżjonijiet formali tal-organizzazzjoni.

Il-Presidenza tal-OSCE bħalissa hi għand il-Maċedonja ta’ Fuq u se tiġi fi tmiemha fl-aħħar ta’ din is-sena. Uffiċjalment il-Presidenza tal-OSCE għand is-sena d-dieħla kellha tkun f’idejn l-Estonja iżda r-Russja oġġezzjonat għaliex ma riditx li l-Presidenza tkun ta’ xi membru tan-NATO. 

F’din iċ-ċirkostanza, Malta kienet avviċinata b’mod informali u mistoqsija jekk tridx tassumi l-Presidenza hi f’din l-eventwalità. Għalhekk id-deċiżjoni li ħa l-Kunsill Permanenti taffa għalkollox il-pressjonijiet li kienu qed jinġemgħu tul dawn l-aħħar ġimgħat. 

Il-Presidenza tal-OSCE hi funzjoni importanti minħabba primarjament ir-responsabiltà li ġġorr biex tiggwida u tiffaċilita n-negozjati bejn is-57 membru tal-OSCE u tgħin biex jintlaħaq kunsens bejniethom.

Ekonomija

Sport