F’dawn l-aħħar snin, Malta ssemmiet bħala mudell ta’ kif għandha tiġi mogħtija l-kura tal-kanċer. Tant li f’inqas minn sena, aktar minn 150 persuna ġew trattati permezz tat-teknoloġija MR Linac, tagħmir ta’ raġġi ultramodern li bih jista’ jiġi trattat il-kanċer mingħajr ma ssir ħsara lill-organi tal-madwar.
Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela f’messaġġ irrekordjat li xxandar ilbieraħ waqt konferenza li ttellgħet mid-Direttorat tal-Cancer Care Pathways, li fakkret lil dawk li għaddew jew li bħalissa għaddejjin mill-vjaġġ tal-kanċer.
Il-Jum Nazzjonali tas-Sopravvivenza mill-Kanċer, li jiġi ċċelebrat madwar id-dinja kollha, huwa simbolu ta’ tama u reżiljenza għal dawk li qed jgħixu wara dijanjosi ta’ kanċer.
Għalhekk f’dan il-jum mhux biss tkun imfakkra r-reżiljenza tal-pazjenti, imma jingħata rikonoxximent lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa li b’dedikazzjoni kbira jieħdu ħsieb il-pazjenti tul il-vjaġġ kollu – mill-mument tad-dijanjosi, waqt it-trattament kif ukoll wara t-trattament.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Abela qal li jifhem li dik il-persuna li trid tgħaddi mill-perkors tad-dijanjosi u t-trattament tal-kanċer għandha perkors diffiċli, twil u li jista’ jagħti qtigħ ta’ qalb. Qal li l-impjegati kollha tal-Ministeru huwa dmirhom u jagħmlu dan ix-xogħol b’dedikazzjoni sabiex iħaffu kemm jista’ jkun il-proċess.
Huwa tkellem dwar l-avvanzi li saru f’dan il-qasam fosthom l-avvanzi fid-dijanjosi tal-kanċer fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, permezz ta’ MRI Scanner ġdid. Dan filwaqt li żdiedu s-servizzi ta’ operazzjonijiet kirurġiċi li jsiru għall-kanċer fl-Isptar t’Għawdex stes.
Il-Ministru Abela semma wkoll l-avvanzi li saru f’dak li jirrigwardja l-mediċinali tal-kimoterapija u ħabbar li bosta mediċini innovattivi se jkunu qegħdin jiddaħħlu fil-formularju tal-Gvern fix-xhur li ġejjin.
Waqt l-istess konferenza tkellmet ukoll id-Direttur tal-Cancer Care Pathways, Dr Danika Marmara’, li qalet li l-perċentwal ta’ nies li qegħdin jgħixu wara l-kanċer issa tela’ għal madwar 50%, li huwa għal Malta xi ħaġa tajba ħafna. Qalet li dawn in-nies qed ikomplu jgħixu wara t-trattament u dan grazzi għas-servizzi illi huma aktar effettivi, innovattivi u ġodda.
Meta indirizzat lil dawk preżenti, b’mod partikolari lil dawk li għaddew minn din l-esperjenza, Dr Marmarà qalet “intom dawwartu l-uġigħ f’kuraġġ, dawwartu n-niket f’tama. Illum iddeċidejtu li tkun hawn biex taqsmu dawn l-istejjer tagħkom. Il-ħajja hi vjaġġ, mimlija tlajja’ u nżul. Għalhekk irridu nonoraw li tkomplu tagħżlu li timxu ’l quddiem.”
Fakkret kif il-professjonisti tas-saħħa u l-NGOs jaħdmu bla heda biex itejbu l-kura tal-kanċer, l-aċċess għas-servizzi kif ukoll is-sapport li jingħata. Fl-istess waqt, fakkret ukoll lil dawk li tlifna matul dan il-vjaġġ, lil dawk li għadhom kif irċevew l-aħbar tal-kanċer u anke lill-familjari ta’ dawn il-persuni li minkejja l-qalb muġugħa, il-preżenza tagħhom tul il-vjaġġ hi waħda ta’ tama u dak li jagħti serħan lill-pazjent.
Sadanittant, waqt din il-konferenza saru diversi interventi oħra fosthom mis-Sur Clarence Pace, Chief Medical Officer, li qal li dan l-avveniment jiċċelebra r-reżiljenza, il-progress u l-kuraġġ bla waqfien mhux biss tal-pazjenti imma wkoll tal-familjari u anke l-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur.
Min-naħa tiegħu, Dr Etienne Parnis tkellem dwar l-immaniġġjar tal-effetti li joħorġu wara t-trattament kontra l-kanċer.
Tul il-konferenza saru diversi panels ta’ diskussjoni filwaqt li d-diskors tal-għeluq sar mis-Sur Joseph Chetcuti, Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.