Friday, August 21, 2026
Home Sport Malta Premier League: Old Firm Derby l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa

Malta Premier League: Old Firm Derby l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa

0
50
Ritratt: Dominic Borg

Minn  Cristian Muscat

Mil-lum sa nhar il-Ħadd li ġej tintlagħab it-tieni ġurnata tal-vbet Malta Premier b’għadd ta’ partiti diretti u mill-aktar interessanti.

Bla dubju, l-aqwa partita hija l-Old Firm Derby, li se tintlagħab proprju llum hija dik bejn iċ-champions Floriana u Sliema Wanderers li kienu l-aktar attivi fis-suq tat-trasferimenti tas-sajf hekk kif fadallu 11-il ġurnata oħra biex jintemm.

Partita oħra mill-aktar interessanti hija dik bejn Birkirkara u Hamrun Spartans wara li fl-ewwel ġurnata kellhom fortuni differenti.

Imbagħad, id-Derby tan-Nofsinhar ta’ Malta ilaqqa’ lil Marsaxlokk u lil Hibernians filwaqt li Valletta jaffrontaw lil Gzira United li kellhom l-agħar debutt għal dan l-istaġun mit-timijiet kollha.

Partita oħra min-naħa t’isfel ta’ Malta hija dik bejn Zabbar St Patrick u Birżebbuġa St Peter’s bil-konfront bejn Mosta u Balzan jagħlaq il- programm.

Floriana v Sliema W. – Iċ-champions Floriana jiffaċċjaw lir-rivali eterni, Sliema Wanderers, f’dik li hija meqjus bħala partita bilanċjata u miftuħa għal kull riżultat.

Il-pressjoni tinsab kollha fuq il-Wanderers wara li fl-ewwel ħarġa tagħhom sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-0 kontra Hibernians.

Dan ir-riżultat kien wie­ħed diżappuntanti għall-fatt li l-aspettattivi tagħhom għal dan l-istaġun huma għoljin wara li għamlu bosta akkwisti, fosthom it-tliet players internazzjo­nali Maltin – il-goalkeeper Henry Bonello (Hamrun S.), Teddy Teuma u Alex Satariano, b’dawn iż-żewġ players tal-aħħar jiġu ffirmati mingħand Standard Liege u Athens Kallithea rispettivament.

Aktar minn hekk, fl-ista­ġun li għadda, il-Blues qatt ma għelbu lill-Greens meta tliet partita, waħda spiċċat fi draw ta’ 2-2 filwaqt li fit-tnejn l-oħra il-Furjaniżi ssuperaw lis-Slimiżi, 2-1 u 1-0.

Min-naħa ta’ Floriana, jimmiraw li jiksbu t-tieni rebħa tal-istaġun wara dik kontra Birżebbuġa St Peters’ bl-iskor ta’ 3-0.

Birkirkara v Hamrun S.  – Birkirkara, li tant impres­sjonaw fl-ewwel partita fir-reb­ħa ta’ 4-0 fuq Gzira United, jiltaqgħu kontra Hamrun Spartans li tant iddiżappuntaw fl-ewwel ħarġa tagħhom meta sfaw megħluba minn Mosta bl-iskor ta’ 2-0 bil-goals jaslu wieħed f’kull taqsima.

Filwaqt li l-Istripes jippossjiedu difiża soda, l-arma letali tagħhom huwa l-attakk hekk kif il-koppja – Amarildo u Franklin Sasere – ħarbtu għal kollox lid-difiża tal-Maroons u skorjaw tliet goals bejniethom u anke setgħu skorjaw aktar.

Għaldaqstant, l-Ispartans iridu jinżlu bi pjan kif se      jirnexxielhom irażżnu l-furja ta’ dawn iż-żewġ players li huma veloċi, diretti u dribblers fini.

Fl-istess waqt, il-Ħamruniżi ma jaffordjawx li jsofru t-tieni telfa konsekuttiva minħabba li jkol­lhom distakk ta’ sitt punti mill-quċċata tal-klassfika.

Il-Karkariżi mistennija jinżlu bl-istess formaz­zjoni li biha ġabu fix-xejn lill-Gżirjani. 

Marsaxlokk v Hibernians – Hibernians iridu jinżlu bħal iljuni biex jiksbu l-ewwel rebħa fuq Marsa­xlokk minħabba li mindu dawn tal-aħħar reġgħu kisbu l-promozzjoni tagħhom fl-ogħla diviżjoni fl-istaġun 2022/23, minn tmien partiti l-Pawlisti qatt ma ħarġu reb­bieħa.

Infatti s-sekwenza kienet ta’ draw u rebħa għal erba’ darbiet wara xulxin … favur ix-Xlukkajri.

Infatti l-aħħar rebħa ta’ Hibernians fuq Marsa­xlokk tmur lura għas-26 ta’ Novembru, 2011, bl-iskor ta’ 2-0 … għax imbagħad qatt ma ltaqgħu aktar minħabba li Marsaxlokk ma lagħbux fl-ogħla divizjoni għall-11-il staġun konsekuttiv.

Valletta v Gzira U.  – Valletta jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 4-2 fuq Zabbar St Patrick.

Il-Lilywhites dawru telfa f’rebħa meta fit-tieni taqsima kienu team trasformat għal kollox.

Fil-veritá huma kienu l-aħjar team matul il-partita kollha iżda wara l-mistrieħ huma għollew il-logħba fejn ir-rebħa setgħet kienet akbar u mill-aktar meritata minkejja li tnejn mill-goals waslu mill-11-il-metru.

Min-naħa tal-Maroons, jidher li se jkollhom staġun diffiċli jekk jibqgħu juru prestazzjonijiet bħal dik kontra Birkirkara hekk kif dehru għajjenin kemm fiżikament kif ukoll mentalment.

Għaldaqstant iridu jinsew dan id-diżappunt u jirriorganizzaw lilhom infushom kontra team li jidher li se jkun fost l-isfidanti.

Zabbar SP v Birżebbuġa SP – Din hija partita bejn żewġ timijiet li ġejjin minn telfa li hija meqjusa li se tkun waħda bilanċjata minkejja li Birżebbuġa huma neqsin mill-esperjenza tal-Premier League għalkemm għamlu bosta akkwisti mill-ogħla diviżjoni.

Iżda kontra Floriana wrew li għadhom ‘il bogħod biex dawn il-players il-ġodda jilagħbu u jiftehmu fil-kollettiv.

Rebħa għaż-żewġ naħat hija mill-aktar importanti minħabba li ħadd minnhom ma jrid jaqa’ fil-qiegħ. 

Mosta v Balzan – Mosta jimmiraw li jkomplu fejn ħallew fl-ewwel ġurnata meta ħasdu għal kollox lil Hamrun Spartans bl-iskor ta’ 2-0 f’liema rebħa ma serqu xejn u kien jimmeritahom li joħorġu bit-tliet punti minħabba li lagħbu b’determinazzjoni kbira.

Min-naħa ta’ Balzan, li ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Marsaxlokk, lesti li jqumu għall-okkażjoni kontra team li bħalissa għandu l-moral għoli hekk kif ġej minn rebħa kontra wieħed mill-ġganti tal-football Malti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here