Sunday, October 19, 2025

“Malta rreġistrat suċċess kbir fis-suq tax-xogħol”

- Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar 12-il sena, Malta rreġistrat suċċess kbir fis-suq tax-xogħol. Dak is-suċċess flimkien mat-tkabbir ekonomiku jissarraf f’pagi u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema. 

Kien dan il-messaġġ li wassal is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja f’intervent li għamel  waqt diskussjoni organizzata mill-Partit Laburista bit-tema “Garanzija għax-Xogħol u l-Familji” f’Birkirkara.

Bugeja spjega li filwaqt li pajjiżi oħra għaddejjin minn diffikultajiet kbar – b’livell ta’ qgħad li qed ikompli jiżdied u anke qed jaqtgħu l-benefiċċji – f’Malta għandna realtà kompletament differenti fejn mhux biss għandna l-inqas rata ta’ qgħad imma l-ogħla rata ta’ ħaddiema f’Malta.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU spjega kif din il-ħidma f’pajjiżna qed issarraf f’diversi benefiċċji anke dawk soċjali fejn il-Gvern qed ikompli jgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna u jassisti lill-familji biex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Huwa tenna jgħid li waħda mill-aktar esperjenzi koroh li jista’ jkollu trejdunjonista huwa li meta jmur fuq il-post tax-xogħol jinfurmawh li se jkollu jagħlaq dak il-post tax-xogħol. 

“Għaddejna minna dan l-aħħar u tixxokkja ruħek. Però, l-aktar ħaġa li ssorprendejt ruħi hu li mill-għada stess li ħarġet din l-aħbar, id-diversi postijiet li ċemplulna biex jieħdu lil dawn il-ħaddiema kollha kienet xi ħaġa fenomenali,” qal Bugeja.

Filwaqt li rrefera għall-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tkellem ukoll dwar il-ħemel ta’ miżuri li qed jiġu introdotti f’pajjiżna li juru “kemm qegħdin inkun proattivi aktar mill-kumplament tal-Ewropa u d-dinja.”

Huwa ġab bħala eżempju kif fl-ILO qed tiġi diskussa l-liġi tal-pjattaforma, liema liġi ilha li ddaħħlet f’Malta fejn konna wieħed mill-ewwel pajjiżi li għamilna dan il-pass. “Dan juri s-suċċess li qed jagħmel is-suq tax-xogħol u bil-provi qed nuru kemm aħna biżlin għax dejjem nipprovaw intejbu.”

“Id-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’rata mgħaġġla ħafna. Il-pjattaformi diġitali qed ibiddlu d-dinja tax-xogħol, li rridu nkunu proattivi biex dik il-garanzija tax-xogħol u l-garanzija tal-familji ngħaqqduhom flimkien. U dik hi l-Viżjoni Malta 2050.

“Iżda minħabba f’dan is-suċċess qed ikollna ħafna ħaddiema li qed jibqgħu konnessi mal-post tax-xogħol. Jeħtieġ għalhekk li ndaħħlu diversi leġiżlazzjonijiet biex nipproteġu s-saħħa mentali tal-impjegati u anke permezz tar-right to disconnect biex ix-xogħol, il-familja u l-kwalità tal-ħajja li hi l-bażi ta’ din il-viżjoni, tkun tista’ tissarraf għall-ġid ta’ kulħadd,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport