Malta se tospita lill-Greċja f’partita ta’ ħbiberija fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali nhar il-Ħamis 17 ta’ Novembru, fis-6.00pm.
Din il-logħba se tintlagħab erbat ijiem qabel il-partita ta’ ħbiberija diġà kkonfermata kontra l-Irlanda. Iż-żewġ logħbiet se jservu bħala preparazzjoni għal-logħob ta’ kwalifikazzjonijiet li jmiss tal-UEFA Euro 2024 li jibdew f’Marzu 2023 b’logħba barra minn darna kontra l-Maċedonja ta’ Fuq fit-23 ta’ Marzu u oħra f’darna tlett ijiem wara kontra ċ-Champions Ewropej, l-Italja.
Din mhix l-ewwel darba li Malta se tiffaċċja lill-Greċja li tinsab fit-52 post fir-Rankings Dinjija. Malta ltaqgħet mal-Greċja 10 darbiet tul is-snin. Irreġistraw seba’ telfiet, żewġ draws u rebħa. Ir-rebħa waslet fil-logħba ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew li ntlagħbet f’darna fit-23 ta’ Frar 1975. Malta rebħet 2-0. L-aħħar darba li ż-żewġ pajjiżi ltaqgħu kien 11-il sena ilu, fl-4 ta’ Ġunju 2011, waqt logħba oħra ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew, liema logħba ntrebħet mill-Greċja bl-iskor ta’ 3-1.