Wednesday, April 24, 2024

ANSJETÀ

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

F’numru ta’ pajjiżi Ewropej infirex sens ta’ ansjetà dwar kif inhuma sejrin l-affarijiet: fl-ekonomija, t-tmexxija politika anke s-sigurtà. Veru li l-gwerra ta’ Putin skattat inċertezzi kbar u l-biża’ ta’ x’jista’ jiġri qed jinkwieta lin-nies. Imbagħad l-għoli tal-prezzijiet ħarbat il-ħajja ta’ ħafna familji, speċjalment għax seħħ f’żewġ oqsma li l-aktar jinħassu malajr – il-fjuwil u l-enerġija; l-ikel.

Biss x’aktarx ukoll li l-mod kif inbidlet il-fiduċja f’ċerti pilastri tat-tmexxija qed joħloq diżgwid.

Sa ftit taż-żmien ilu, l-banek ċentrali kienu qed jilmentaw bil-kbir li l-prezzijiet kienu staġnaw wisq u ghal żmien twil wisq. B’xejn ma pprevedew l-inflazzjoni li issa għaddejja galore.

Bi tweġiba għall-invażjoni Russa tal-Ukrajna, l-Ewropej u oħrajn iddekretaw sanzjonijiet kontra r-Russja. Hemm min qed jistaqsi: Meta ħarġu dawn is-sanzjonijiet, kien hemm min ippreveda kif se jirritalja Putin billi jaqta l-provisti tal-gass naturali? – u allura ħa sa minn qabel, passi biex jilqa’ għalihom?

Kollha fatturi li qed jitimgħu l-ansjetà.

ŻBALJI RIPETUTI

Sal-lum għadni niskanta kif nibqgħu nirrepetu l-istess żbalji. Fil-qasam tas-settur privat per eżempju, malli xi attività tidher li qed tirnexxi, numru ta’ negozjanti jiffullaw lejha. Malajr malajr ikun hemm wisq ħluq igiddmu fl-istess għadma… bir-riżultat li bosta minnhom jispiċċaw ħażin. Rajna dil-ħaġa tiġri matul is-snin fl-oqsma tar-retailing modern, tal-bini ta’ uffiċċji u lukandi, ta’ servizzi ta’ trasport u naħseb illum fil-qasam tat-twassil ta’ ikel fid-djar.

Il-gvernijiet ma baqgħux lura mill-istess żball: bħal fit-trasport bil-katamaran u l-permessi għal fast fery lejn Għawdex, il-bini ta’ toroq u l-ħolqien ta’ proġetti kbar tat-tip ta’ Smart City li jispiċċaw xi ħaġa differenti ħafna milli messhom kienu.

Minn fejn ġejja dil-ħila biex nibqgħu nirrepetu l-istess żbalji?

IMPRIŻI MĦALLTA

Stajna tajna aktar importanza matul is-snin lill-kunċett ta’ impriżi mħallta: fejn il-gvern u s-settur privat ikunu kemm jista’ jkun b’mod ugwali, b’sehem fl-impriża. Aħjar jekk mhux wieħed jew ftit imprendituri jkunu mill-privat, imma ħafna u ħafna investituri żgħar li jistennew għall-investiment tagħhom dħul annwali regolari, aħjar milli jagħtihom depożitu f’bank.

Din l-istennija tpoġġi obbligu fuq l-impriża biex tagħmel biżżejjed profitti ħalli tissodisfa l-istennija tal-investituri fiha. Għalhekk tinħoloq dixxiplina biex l-impriża ma titgħabbiex bi spejjeż mhux neċessarji, kif ta’ spiss jiġri meta enti tkun f’idejn il-gvern waħdu. 

L-aħjar mudell li għandna ta’ hekk (għalkemm ma tistax issejjaħlu perfett) hu tal-Bank of Valletta. Biex inkunu onesti, irridu nagħrfu li daħħlu Malta n-nutar Ġorġ Bonello du Puis, ministru tal-finanzi Nazzjonalista ta’ tmiem is-snin 80 tas-seklu l-ieħor.

Sport