Friday, May 29, 2026

Joseph Mbong … bl-unur prestiġjuż tal-MFA Player tas-Sena 2026 ikompli jikkonferma l-istatus tiegħu bħala wieħed mill-aqwa talenti tal-futbol Malti modern

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

L-attakkant u winger ta’ Hamrun Spartans FC Joseph Mbong kompla jżid kapitlu ieħor memorabbli fil-karriera tiegħu hekk kif rebaħ l-unur prestiġjuż tal-Footballer of the Year waqt il-Malta FA Awards Night 2026.

Għal Mbong, dan kien premju li jikkonferma mhux biss il-kwalità tiegħu bħala plejer iżda wkoll il-konsistenza u l-kontribut li ta kemm mat-tim tiegħu kif ukoll mat-tim nazzjonali Malti tul l-aħħar staġun.

Imwieled f’Lagos fin-Niġerja fil-15 ta’ Lulju 1997, Joseph għandu l-futbol fid-demm. Missieru, Essien Mbong, kien ukoll plejer magħruf f’Malta u lagħab għal ħafna snin ma’ Hibernians FC.

Joseph trabba f’ambjent fejn il-futbol kien parti mill-ħajja ta’ kuljum, u flimkien ma’ ħutu Paul u Emmanuel, beda jiżviluppa l-passjoni tiegħu għal-logħba minn età żgħira.

Il-karriera tiegħu bdiet fl-akkademja ta’ Hibernians fejn malajr beda juri talent kbir. Fl-2014 għamel id-debutt tiegħu mat-tim tal-kbar u matul is-snin kompla jikber kemm teknikament kif ukoll mentalment.

Wara esperjenza ta’ self ma’ Inter Zaprešić fil-Kroazja, Joseph irritorna Malta aktar matur u determinat li jkompli javvanza l-karriera tiegħu. Fl-2020 ingħaqad ma’ Ħamrun Spartans u hemmhekk sab ambjent li fih seta’ jesprimi l-aqwa kwalitajiet tiegħu.

Tul dawn l-aħħar snin, Mbong kien wieħed mill-aktar plejers importanti tat-tim Spartan hekk kif għen lit-tim jirbaħ kampjonati u jikkompeti fuq livell Ewropew. Madankollu, minkejja s-suċċess personali tiegħu dan l-istaġun, huwa ammetta li bħala tim kienu qed jistennew ħafna aktar f’intervista li ta lil dan is-sit.

“Nemmen li bħala kollettiv ma kellniex l-aqwa staġun,” qal Mbong waqt l-intervista tiegħu. “Bdejna tajjeb ħafna u dħalna fil-Conference League, imma mbagħad kien hemm mumenti fejn tlifna l-konsistenza. Aħna mdorrijin nirbħu tazzi domestiċi u dawn l-aħħar snin dejjem konna kompetittivi ħafna. Li ma rnexxilniex nirbħu trofew kienet xi ħaġa mhux normali għalina.”

Minkejja d-diżappunt kollettiv, Joseph kellu staġun personali eċċellenti fejn skorja 14-il gowl u kien wieħed mill-aktar plejers determinanti fil-kampjonat Malti. Il-wirjiet tiegħu fil-UEFA Conference League kif ukoll mat-tim nazzjonali Malti komplew isaħħu r-reputazzjoni tiegħu bħala wieħed mill-aqwa futbolers Maltin tal-mument.

“Naħseb li l-fatt li spiċċajt l-aqwa skorer tal-istaġun għenni ħafna biex nirbaħ dan l-unur,” stqarr Mbong. “Kelli wirjiet tajbin kemm ma’ Ħamrun kif ukoll mat-tim nazzjonali u anke fl-Ewropa. Bħala individwu nista’ ngħid li kont kuntent bl-istaġun tiegħi, għalkemm dejjem inħoss li stajt nagħmel aktar.”

Meta mistoqsi dwar liema partita baqgħet l-aktar f’moħħu matul dan l-istaġun, Joseph ma damx biex jagħżel żewġ logħbiet partikolari. L-ewwel waħda kienet kontra Valletta FC qabel il-fażi tal-Final Four u t-Top Six.

“Kontra Valletta kelli partita tajba ħafna fuq livell individwali,” qal Mbong. “Għalkemm tlifna xi punti minn din il-logħba, inħoss li kienet waħda mill-aqwa wirjiet tiegħi fil-kampjonat.”

Iżda l-logħba li verament tibqa’ speċjali għalih kienet dik internazzjonali kontra t-tim nazzjonali Pollakk ta’ Robert Lewandowski, meta Malta tilfet 3-2 iżda hu kellu wirja memorabbli.

“Dik kienet l-aqwa logħba għalija,” qal b’emozzjoni. “Li tilgħab kontra ġganti Ewropej bħal dawk u tirnexxilek tagħmel differenza hija sensazzjoni kbira. Kienet partita fejn urejna sforz kollettiv enormi u waħda li qatt mhu se ninsa.”

Mbong ilu parti importanti mit-tim nazzjonali Malti sa minn meta kien żgħir. Huwa rrappreżenta lil Malta fil-kategoriji kollha taż-żgħażagħ qabel ma ddebutta mat-tim tal-kbar fl-2018.

Minn dak iż-żmien ’l hawn sar wieħed mill-aktar plejers affidabbli fit-tim nazzjonali, magħruf għall-veloċità tiegħu, l-enerġija u l-ħila li joħloq periklu kontinwu fuq il-linja.

Minkejja li dan l-istaġun kien wieħed intensiv ħafna għalih, Joseph jibqa’ determinat li jkompli jitjieb. Huwa ammetta li l-ammont ta’ logħob u l-għeja affettwawh f’ċerti mumenti.

“Kelli ħafna logħob matul dan l-istaġun u nistqarr miegħek li ma kinitx xi ħaġa faċli,” spjega. “Forsi ma kellix il-konsistenza li kelli snin ilu, imma xorta nemmen li kelli staġun tajjeb. Naf li seta’ kien aħjar u għalhekk issa rridu naħsbu għall-istaġun li ġej biex ma nirrepetux l-iżbalji li għamilna.”

Dwar il-futur tiegħu, Mbong deher ċar ħafna fuq dak li jixtieq jikseb. Għalkemm dejjem hemm interess minn timijiet oħra, qal li bħalissa jinsab iffukat biex ikompli jikkompeti fuq livell għoli ma’ Ħamrun Spartans.

“Nixtieq nibqa’ nilgħab f’tim b’saħħtu u inkompli nirbaħ aktar kampjonati,” sostna. “Ma’ Ħamrun dejjem hemm il-pressjoni biex tirbaħ u dik hija xi ħaġa li timmotivani ħafna.”

Fl-aħħar tal-intervista, Joseph deher emozzjonat meta tkellem dwar id-dedikazzjoni tal-premju tiegħu. Minkejja s-suċċessi kollha fil-karriera tiegħu, huwa għażel li jiddedika dan l-unur lil persuna speċjali ħafna f’ħajtu.

“Dan il-premju nixtieq niddedikah lit-tfajla tiegħi, Nicole,” qal bi tbissima. “Ħadet ħafna paċenzja bija tul dan l-istaġun kollu, speċjalment bil-pressjoni u l-ammont ta’ logħob li kelli. Dejjem kienet hemm biex tappoġġjani u għalhekk inħoss li dan il-premju huwa wkoll tagħha. Apparti minn hekk ma rridx ninsa wkoll lil missieri li tani l-imħabba għal din il-logħba. ”

B’dan l-unur prestiġjuż, Joseph Mbong kompla jikkonferma l-istatus tiegħu bħala wieħed mill-aqwa talenti tal-futbol Malti modern. Għalkemm l-istaġun ma ġabx is-suċċessi kollha mixtieqa għal Hamrun Spartans, il-wirjiet tiegħu kienu biżżejjed biex jagħmluh il-plejer tas-sena, unur li ftit jistgħu jgħidu li verament ħaqqhom daqs kemm ħaqqu hu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport