Friday, May 29, 2026

‘Il-vjaġġ għadu ma spiċċax … fil-fatt, nemmen li l-aħjar għadu ġej’ – Kurt Baldacchino

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

F’dinja tal-futbol fejn il-konsistenza u l-iżvilupp fit-tul huma kruċjali, Kurt Baldacchino ħalla marka importanti fl-istruttura taż-żgħażagħ u anke tal-kbar ta’ Mġarr United FC.

F’din l-intervista estensiva, huwa jħares lura lejn sentejn li hu jiddeskrivihom bħala “iktar minn suċċess sportiv, kienu esperjenza ta’ tkabbir sħiħ għall-klabb u għalija personali.”

Kurt Baldacchino kellu wkoll opportunità jservi bħala kowċ tal-ewwel skwadra għal diversi xhur. Huwa jiddeskrivi dik l-esperjenza bħala waħda ta’ tagħlim intensiv.

“Kienet esperjenza sabiħa ħafna, fejn tgħallimt kemm mill-pożittiv kif ukoll min-negattiv. Bdejna tajjeb ħafna, b’riżultati u prestazzjonijiet sbieħ,” jgħid.

Madankollu, injuries kruċjali, inkluż dik tal-aqwa skorer tat-tim, l-attakkant Brażiljan Christyan, affettwaw l-istaġun tagħhom. “Tlifna punti importanti u spiċċajna barra mit-Top 8 b’punt wieħed biss. Imma rnexxielna nsalvaw il-kampjonat kmieni, u dan huwa importanti ħafna għall-klabb.”

Baldacchino jżid li waħda mill-akbar differenzi bejn il-kowċing taż-żgħażagħ u dak tal-kbar hija l-pressjoni u l-aspettattivi. Filwaqt li t-tim ta’ taħt il-21 sena, l-attenzjoni hija fuq l-iżvilupp tal-plejers, fil-kbar kull partita ġġib magħha piż ta’ riżultat. “Fil-futbol tal-kbar trid tkun aktar preċiż fid-deċiżjonijiet tiegħek, għax kull punt jgħodd,” jispjega.

Huwa jtenni li dak il-perjodu għenu jifhem aħjar il-ħidma strateġika li hemm bżonn matul staġun sħiħ. “Tgħallimt kif timmaniġġja skwadra taħt pressjoni, kif tagħmel bidliet waqt il-logħba u kif iżżomm l-armonija fid-dressing room anke meta r-riżultati ma jkunux qed jiġu.”

Skont Baldacchino, wieħed mill-aktar elementi importanti li ra fil-klabb hu l-ispirtu tal-familja. Hu jiddeskrivi lil Mġarr United bħala klabb fejn kulħadd jaħdem flimkien, minn plejers sa staff tekniku u amministrazzjoni. “Dan mhux klabb fejn kulħadd jaħdem għal rasu. Hemm sens ta’ unità li jagħmel differenza kbira.”

Huwa jfaħħar ukoll il-mentalità tal-plejers żgħażagħ li ħarġu mill-akkademja u ngħataw opportunità li jidħlu fl-iskwadra tal-kbar. “Meta tara plejer żagħżugħ jidħol u ma jibżax minn dan il-livell superjuri, tifhem li l-proġett qed jaħdem. Dik hija l-akbar sodisfazzjon għal kowċ.”

Baldacchino sostna li l-esperjenzi kollha, kemm pożittivi kif ukoll diffiċli, sawruh bħala kowċ aktar matur. “Illum inħares lejn il-logħba b’mod differenti. Mhux biss bħala partita, imma bħala proċess sħiħ li jibda mill-preparazzjoni u jispiċċa biss meta tinstema’ s-suffara finali tar-referee.”

Huwa jżid li l-għan tiegħu jibqa’ li jkompli jitgħallem u jikkontribwixxi għall-progress tal-klabb. “Kull staġun iġib sfidi ġodda, imma wkoll opportunitajiet ġodda. Importanti li tibqa’ ffukat u ma titlef qatt il-ġuħ għas-suċċess,” jgħid Baldacchino.

Baldacchino jiddeskrivi ż-żmien tiegħu mat-tim ta’ taħt il-21 sena bħala wieħed memorabbli. “Kienu sentejn sbieħ ħafna, forsi iktar milli stennejt,” jgħid b’sodisfazzjon.

Huwa jispjega kif din il-kategorija hija waħda diffiċli minħabba l-impenji tal-plejers barra mill-futbol u d-dipendenza fuqhom anke mal-iskwadra tal-kbar.

“Minkejja kollox, kellna disponibbiltà kbira u dixxiplina mill-plejers kollha. Dak kien kruċjali biex niksbu żewġ kampjonati bla telfa u żewġ promozzjonijiet konsekuttivi,” jispjega Baldacchino, filwaqt li jżid li l-kisbiet wasslu lit-tim sal-ogħla sezzjoni tal-futbol żgħażagħ f’Malta.

Meta jitkellem dwar id-diffikultà tal-kampjonati, Baldacchino jagħmel distinzjoni ċara bejn iż-żewġ staġuni. “Fl-ewwel sena f’Sezzjoni C kellna kwalità tajba u nemmen li konna kapaċi niġu promossi. Imma fit-tieni sena, meta kulħadd kien qed jistenna biss salvazzjoni, spiċċajna nirbħu kollox.”

Huwa jispjega li l-iskwadra tilfet diversi plejers importanti, iżda xorta rnexxielha tikkompeti kontra timijiet aktar stabbiliti. “Il-bidu ma kienx faċli, imma meta tibda tirbaħ, il-fiduċja tikber u l-mentalità tat-tim tinbidel kompletament.”

Baldacchino jitkellem b’entużjażmu dwar il-fażi l-ġdida tal-klabb, speċjalment wara l-ħatra tal-kowċ Taljan Andrea Agostinelli, li għandu esperjenza estensiva fl-Ewropa u barra minnha.

“Li naħdem ma’ kowċ ta’ esperjenza bħal Agostinelli hija opportunità kbira. Hu jġib mentalità professjonali u għarfien internazzjonali li jistgħu jgħollu l-livell tagħna,” jgħid Baldacchino.

Huwa jfaħħar ukoll il-ħidma tat-tim tekniku ġdid, inkluż it-team manager Anthony Gafa, id-Direttur Tekniku Patrick Curmi, u l-kowċ tal-goalkeepers Eddie Bartolo. “Għandna struttura ħafna aktar organizzata issa. Dak jagħmel differenza kbira fil-futbol modern.”

Meta jitkellem dwar l-għanijiet, Baldacchino huwa ċar ħafna. “Mġarr United għal sentejn konsekuttivi salvaw b’mod komdu. Issa wasal iż-żmien li nkunu ambizzjużi u nagħmlu pass ’il quddiem.”

Huwa jemmen li l-klabb għandu potenzjal jasal sal-Malta Premier, iżda jenfasizza li dan jeħtieġ paċenzja u investiment fit-tul. “Mhux biss dwar ir-riżultati, imma dwar kultura ta’ professjonalità u kontinwità.”

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Baldacchino jesprimi kburija kbira bil-vjaġġ tiegħu mal-klabb. “Meta nħares lura, nara progress, mhux biss bħala kowċ imma wkoll bħala klabb. Dan huwa l-aktar importanti.”

Huwa jtemm billi jgħid li l-enerġija u l-ambizzjoni fil-klabb għadhom ħajjin ħafna: “Il-vjaġġ għadu ma spiċċax. Fil-fatt, nemmen li l-aħjar għadu ġej.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport