Friday, May 29, 2026

Id-Diżinformazzjoni: Xi tfisser u għaliex għandna nagħtu każ?

Aqra wkoll

Id-diżinformazzjoni hija informazzjoni falza jew qarrieqa li tinħoloq speċifikament biex timmanipula l-opinjoni pubblika, jew tħalli effetti fuq dak li jkun għaddej fil-ħajja politika, soċjali jew ekonomika. Din tista’ sseħħ b’metodi differenti, fosthom stejjer tal-aħbarijiet iffabbrikati, stampi u vidjos immanipulati jew posts fuq il-mezzi soċjali qarrieqa li jkunu ddiżinjati b’mod li jidhru kredibbli.

F’dinja fejn l-informatika u l-mezzi soċjali sar għandhom impatt aktar qawwi minn qatt qabel, id-diżinformazzjoni tinxtered malajr, ta’ spiss b’mod aktar mgħaġġel minn rappurtaġġ tajjeb. Bosta pjattaformi soċjali bħal Facebook, X, Instagram u oħrajn jużaw sistemi, imsejħa algoritmi, li jippromwovu dawk il-posts li jkollhom numru ikbar ta’ reazzjonijiet u kummenti, u dan iwassal biex stejjer sensazzjonali, għalkemm ma jkunux veritiera, jinxterdu aktar. Dan iwassal biex dawn l-istejjer qarrieqa jispiċċaw iduru mal-erba’ rjiħat tad-dinja qabel ma xi ħadd jilħaq jikkoreġihom.

Fl-Unjoni Ewropea, id-diżinformazzjoni qed issir theddida dejjem akbar għad-demokrazija, għall-fiduċja fl-istituzzjonijiet u għall-għaqda soċjali. Ta’ spiss tintuża bħala metodu ta’ ndħil barrani, speċjalment waqt perjodi sensittivi bħall-elezzjonijiet, kriżijiet tas-saħħa pubblika jew tensjonijiet ġeopolitiċi. L-iskop ta’ min ixerred din id-diżinformazzjoni huwa li jġelled in-nies ma’ xulxin filwaqt li jdgħajjef il-fiduċja ta’ dak li jkun fl-istituzzjonijiet u fil-mezzi tax-xandir leġittimi.

Fuq livell personali, id-diżinformazzjoni tista’ twassal biex persuni jieħdu deċiżjonijiet żbaljati dwar temi mhux biss politiċi u soċjali iżda anke b’rabta ma’ saħħa u finanzi personali. Dan hu għaliex hu importanti li jitqajjem aktar għarfien dwar is-suġġett. It-tixrid tad-diżinformazzjoni qed ikompli jikber bl-użu tal-intelliġenza artifiċjali li tippermetti b’mod aktar faċli u immedjat il-ħolqien ta’ materjal falz, anke billi juri li persuni reali qed jgħidu xi affarijiet li filfatt qatt ma jkunu qalu.  

Fl-aħħar xhur kien hemm numru ta’ każijiet fejn politiċi u personalitajiet oħra Maltin ntużaw għal skopijiet ta’ diżinformazzjoni, li wasslu biex persuni tilfu eluf kbar ta’ ewro meta kien mingħalihom li investew fi prodotti finanzjarji reklamati minn dawn il-profili jew vidjos foloz.

Quddiem din l-isfida kbira, il-Parlament Ewropew qed jieħu rwol ewlieni bit-twaqqif ta’ Kumitat Speċjali dwar it-Tarka Ewropea għad-Demokrazija. Dan għandu rwol li sa Frar tas-sena d-dieħla, jidentifika x’nuqqasijiet hemm fil-liġijiet u jipproponi miżuri biex jindirizzaw din l-isfida. Dan il-Kumitat qed janalizza theddid li ġej minn direzzjonijiet differenti, fosthom minn manipulazzjoni ta’ pjattaformi soċjali, attakki ċibernetiċi fuq infrastruttura importanti u l-użu tal-AI biex jinħolqu deepfakes. Madankollu, il-Parlament Ewropew appella dwar l-importanza tal-għarfien pubbliku għaliex il-ħarsien tad-demokrazija ma tiddependix biss fuq sistemi legali iżda wkoll fuq ċittadini infurmati u preparati tajjeb għal dawn l-isfidi.

Kif tista’ tilqa’ għad-diżinformazzjoni?

  1. Dejjem kun ċert minn fejn ġejja l-informazzjoni. Żomm ma’ sorsi ta’ informazzjoni kredibbli, trasparenti u evita li tiddeppendi sorsi jew siti anonomi jew li qatt ma rajt.
  1. Taqrax it-titlu biss. Tħallix titli emozzjonali jew sensazzjonali jiżvijawk. Aqra l-istorja kollha u ara x’evidenza tingħata fir-rappurtaġġ.
  1. Qabbel il-fatti. Jekk storja hi vera, aktarx li se ssibha postijiet oħra wkoll. 
  1. Tgħaġġilx biex taqsam ma’ ħaddieħor. Qabel ma xxerred informazzjoni fuq l-Internet, kun ċert li l-kontenut hu korrett, rilevanti u mhux qarrieqi. 
  1. Kompli tgħallem. Il-metodi ta’ diżinformazzjoni jinbidlu u jevolvu. Kun ċert li tibqa’ dejjem infurmat dwar x’tattiċi jintużaw, u meta tara xi ħaġa suspettuża jew falza, irrappurtaha biex ma tkomplix tinxtered.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport