Maċedonjan ta’ 30 sena ma nstabx ħati li stupra mara Maltija li hija sena iżgħar minnu waqt li kienu fl-appartament tagħha f’Buġibba. Il-Qorti wara li semgħet il-każ qalet li l-Prosekuzzjoni ma ġabitx provi biżżejjed li fil-verità kien seħħ l-istupru.
Martin Antevski kien mixli li wettaq dan ir-reat fl-1 ta’ Lulju 2019 bil-Pulizija bdiet tinvestigah wara rapport li sarilha mill-istess tfajla. Dak iż-żmien huwa kellu 23 sena u hija 22 sena.
Fix-xhieda tagħha, il-mara qalet li kienet iltaqgħet mal-imputat fuq Tinder. Wara huma komplew jikkomunikaw flimkien permezz tal-midja soċjali. Ġimgħatejn wara huma ddeċidew li jiltaqgħu għall-ewwel darba fl-appartament fejn tgħix hi.
Quddiem il-qorti l-mara qalet li kienu bdew jixorbu u anke ħadu joint. Wara imbagħad kellhom x’jaqsmu sesswalment flimkien. Iżda f’mument minnhom hi qaltlu biex jieqaf, iżda hu ma waqfax.
Fix-xhieda tagħha hi qalet li li wara li huwa raqad bagħtet messaġġ lil ħabiba tagħha u din qaltiha li kienet ġejja għaliha.
Kien għalhekk li qajjmet lill-akkużat u qaltlu biex joħroġ mill-appartament imma huwa reġa’ stupraha.
Kompliet tixhed li jumejn wara kienet għamlet rapport lill-Pulizija u anke kellha tmur għand psikjatra u tabiba li ssuġġerilha tieħu trattament prekawzjonali kontra l-HIV.
L-imputat għażel li jixhed f’dawn il-proċeduri fejn ikkonferma li meta kien fl-appartament tagħha kienu xorbu l-inbid u li kienet hi li ffrietlu li jpejjep magħha l-kannabis. Xehed li hu rrifjuta li jpejjep il-kannabis. L-imputat qal li huma kellhom x’jaqsmu flimkien sesswalment, iżda ċaħad li kien stupraha.
Fix-xhieda tiegħu l-Maċedonjan qal li wara li raqad u qam offriet li twasslu sal-pjazza ta’ Buġibba u ħallew lil xulxin mingħajr ġlied u l-għada bagħtitlu messaġġ fejn staqsietu jekk kien ħa gost magħha.
Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo rrimarkat kif kienet iffaċċjat b’żewġ verżjonijiet kunflinġenti u sostniet li għalkemm xhieda oħra xehdu dwar dak li qaltilhom l-allegat vittma sostniet li din mhix evidenza suffiċjenti biex tikkonkludi li seħħ dak li allegat anke għax ċertu messaġġi mibgħuta tħassru.
Irreferiet ukoll għar-rapport li sar minn żewġ tobba li eżaminaw lill-allegat vittma fejn tabib ikkonkluda li ma kellha ebda marki ta’ vjolenza fuqha filwaqt li tabiba qalet li ma kienx hemm evidenza li ġie stuprata.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Maġistrat Farrugia Frendo kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ tagħha u lliberat lill-akkużat.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Clayton Camilleri waqt li l-akkużat kellu jiddefendih lill-Avukat Lennox Vella.

