Saturday, May 30, 2026

POPLU SOVRAN

Aqra wkoll

Ħadd ma hu ’l fuq mill-poplu. Kull deċiżjoni li jieħu l-poplu hija tajba għax il-poplu hu sovran. U fil-fatt dak li qiegħed jiġri llum f’pajjiżna hu l-aktar eżerċizzju demokratiku.

Smajna fuq li smajna proposti miż-żewġ partit l-kbar u anke mill-partit iż-żgħar, iżda fl-aħħar mill-aħħar hu l-poplu li jiddeċiedi fejn irid imur il-pajjiż fil-ħames snin li ġejjin.

Wieħed irid ifakkar li dan l-eżerċizzju demokratiku ma ġiex dritt taċ-ċittadini mingħajr “ġlidiet” kbar li missirijietna wettqu matul is-snin biex illum il-poplu għandu l-akbar dritt fid-demokrazija.

Fil-fatt, l-ewwel elezzjoni li kienet saret f’pajjiżna kienet dik tal-1921 meta dakinhar setgħu jivvotaw biss madwar 27,000 persuna. Dakinhar setgħu jivvotaw irġiel biss li kellhom aktar minn 21 sena u kellhom proprjetà rreġistrata fuqhom.

Wieħed jista’ jibqa’ jfakkar elezzjoni wara elezzjoni dwar dawk li kellhom id-dritt li jivvotaw, iżda l-għan wara kollox hu li nfakkru li d-dritt tal-vot ma ġiex mix-xejn.

Infakkru wkoll riforma kbira li kienet saret qabel l-elezzjoni tal-2022 meta dakinhar għall-ewwel darba kienu ngħataw id-dritt tal-vot persuni li kellhom 16-il sena.

Meta wieħed iqis dan kollu, għandu jiftakar ir-responsabbilità li għandu biex jeleġġi Gvern li jmexxih għall-ħames snin li ġejjin. Ma rridux ninsew ukoll li hi x’inhi l-opinjoni politika tagħna, aħna lkoll ċittadini tal-istess pajjiż. Aħna lkoll irridu nikkontribwixxu biex dan il-pajjiż ikompli miexi ’l quddiem bit-tmexxija li tkun inħatret, hi liema parti hi. 

Jiġri x’jiġri wara llum, jirbaħ min jirbaħ, il-politiċi se jkunu qegħdin jaċċettaw dan ir-riżultat għax jafu u jemmnu li ħadd mhu ‘l fuq mill-poplu.

Wara kollox, irridu niftakru li jitla’ min jitla’ fil-poter ħadd m’għandu jiġġieled speċjalment mal-familjari minħabba l-politika. Ma ninsew qatt li aħna kollha aħwa Maltin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport