Il-ħaddiema ta’ Evos Ltd. se jkunu qed jibbenefikaw minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fil-benefiċċji u s-salarji tagħhom wara ftehim li ġie ffirmat bejn il-kumpanija u l-General Workers’ Union. Dan il-ftehim ikopri l-perjodu 2025-2028.
Il-ftehim f’isem il-kumpanija kien iffirmat mid-Direttur Maniġerjali Sonke Slein u d-Direttur u Maniġer tal-Operazzjonijiet David Muscat. F’isem il-GWU ffirma s-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni Jurgen Azzopardi u għall-ħaddiema ffirmaw Jason Saliba, Michael Tabone u Joseph John Zammit.

Is-Segretarju Azzopardi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim li filwaqt li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għal dawn il-ħaddiema, se jintroduċi wkoll miżuri ġodda li jsaħħu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.
“Inħares ’il quddiem biex dawn l-impjegati jingħataw dak li hu dovut lilhom u nkomplu din ir-relazzjoni b’saħħitha mal-kumpanija fiż-żmien li ġej,” qal is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzoni fi ħdan il-GWU.Preżenti kien hemm ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Abela li qal: “Nifraħ lill-kumpanija u nirringrazzjahom tal-appoġġ li qed jagħtu lill-GWU. Nifraħ ukoll lil Jurgen għax-xogħol impenjattiv u kbir li għamel. Inħarsu ’l quddiem bħal dejjem. Ngħixu għal mumenti bħal dawn fejn napprezzaw dan ix-xogħol li jkun sar.”
Id-Direttur Maniġerjali ta’ Evos Ltd. Sonke Slein qal li għalkemm il-proċess ta’ negozjar ħa ż-żmien tiegħu, fl-aħħar mill-aħħar intlaħaq ftehim li huwa ta’ benefiċċju kemm għall-kumpanija kif ukoll għall-ħaddiema. Huwa rringrazzja wkoll lill-GWU għall-ħidma li għamlet biex seta’ jiġi konkluż b’suċċess dan il-ftehim.

