Friday, May 29, 2026

Konkorrenza qawwija fis-seba’ edizzjoni tal-Kampjonat tal-Malta Beach Soccer

Aqra wkoll

Nhar it-Tnejn li ġej se tingħata bidu għas-seba’ edizzjoni tal-Kampjonat tal-Malta Beach Soccer li għal darb’oħra se ssir fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa. Matul dan ix-xahar se jkunu għaddejjin kompetizzjonijiet kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa.

Fil-kompetizzjoni tal-irġiel se jieħdu sehem seba’ timijiet u dawn huma Spartans Selection, Hamrun, Sliema, La Playa De Arena, Phoenix FC, W/A Agency u Costa Viola. Mill-banda l-oħra se jkun hemm ħames timijiet li se jipparteċipaw fil-kampjonat tan-nisa u dawn huma Skill and Passion, Birkirkara FC, Sliema, Parr Mela Rockets u Ballun FC.

Fil-programm tal-ewwel ġurnata li se jsir nhar it-Tnejn 1 ta’ Ġunju jinkludi l-konfronti bejn Hamrun SC u Costa Viola fis-6.00pm, Sliema kontra Spartans fis-7.15pm u W/A Agency kontra Phoenix fit-8.30pm. L-għada, it-Tlieta 2 ta’ Ġunju, jintlagħab il-programm tan-nisa b’Birkirkara kontra Skill and Passion fis-6.00pm u Parr Mela Rockets kontra Ballun FC fis-7.15pm.

Il-logħob tal-irġiel se jintlagħab kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa, filwaqt li l-logħob tan-nisa jsir kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis. Lejn l-aħħar tal-kampjonat jintlagħbu il-Final 4, li minnu joħorġu ż-żewġ finalisti li jissieltu għat-titlu nazzjonali.

F’kumment li ta l-President tal-Malta Beach Soccer Association, Mauro Camilleri Darmanib qal li jinsab ferm kuntent bin-numru ta’ timijiet li applikaw sabiex jipparteċipaw fil-kampjonat ta’ din is-sena. Huwa sostna li dan juri kemm il-beach soccer qed ikompli jikber fil-popolarità tiegħu f’Malta.

Camilleri Darmanin żied jgħid li qed jistenna kampjonat ta’ livell għoli, b’ħafna logħob kompetittiv u spettaklu sabiħ għall-pubbliku li se jattendi fil-Bajja s-Sabiħa matul ix-xahar ta’ Ġunju.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport