Wednesday, April 24, 2024

“Nibqgħu naħdmu biex nkomplu nkabbru l-kollaborazzjoni tagħna mal-Estonja”

Kenneth Vella, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja

Aqra wkoll

Kenneth Vella hu l-ambaxxatur tagħna għall-Finlandja u l-Estonja fejn f’dawn l-aħħar snin kompla jistinka sabiex ir-relazzjoni bejn Malta u dawn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jissedqu u jimxu ‘l quddiem. Fil-fatt, din is-sena Malta u l-Estonja qegħdin jiċċelebraw it-tletin sena anniversarju tat-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatici ta’ bejniethom. Kif jiddeskrivi dawn ir-relazzjonijiet Kenneth Vella?

“Niddeskrivi dawn ir-relazzjonijiet bħala ferm eċċellenti fejn nara xebh kbir fil-prinċipji taż-żewġ pajjiżi apparti li t-tnejn huma kkunsidrati żgħar bħala pajjiżi t-tnejn li huma daħlu fl-istess żmien fl-Unjoni Ewropea.”

“Ftit ilu, saret żjara ta’ kortesija mill-president ta’ Malta Dr George Vella u l-Ministru Owen Bonnici fl-Estonja, żjara li jien kont preżenti għaliha. Iltqajna ma’ diversi persuni distinti hemmhekk fosthom il-president Estonjan Alar Karis, il-Prim Ministru Kaja Kallas, l-Ispeaker tal-Parlament Juri Ratas u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Urmas Reinsalu. Hawnhekk saru skambji reċiproki u anke laqgħat kordjali sabiex jitwettqu ideat li jistgħu jwasslu għal aktar opportunitajiet għall-Maltin u anke l-Estonjani. Issemmew fost l-oħrajn ir-riżultati pożittivi miksuba bejn iż-żewġ pajjiżi fl-aħħar xhur fil-qasam tal-edukazzjoni, turiżmu, teknoloġija diġitali, kultura u sport u l-ftehimiet ta’ kollaborazzjoni li ġew iffirmati dan l-aħħar. ”

Kien f’Lulju tas-sena li għaddiet meta Vella ppreżenta l-ittra tal-kredenzjali biex inħatar bħala ambaxxatur ta’ pajjiżna għall-Estonja. Iżda x’inizjattivi ttieħdu matul l-aħħar xhur biex tissaħħaħ din ir-relazzjoni u liema kienu s-setturi li ngħataw prijorita’ fl-aħħar xhur? Hu qalilna li wieħed mill-prijoritajiet ewlenin hu s-settur edukattiv bl-Estonja, li għamlet avvanzi kbar f’dan ir-rigward hekk kif marret tajjeb fit-test imsejjaħ PISA. Fl-istess waqt ġie introdott f’pajjiżna r-risors 99 math li jagħmel ukoll parti mill-programmi fuq it-tablets edukattivi tat-tfal Maltin.

F’aktar inizjattivi, ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-MEDAC, l-iskola tad-Diplomazija fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta u l-Iskola tad-Diplomazija tal-Estonja. Barra dan, fl-aħħar xhur, minn żmien għal żmien ġew organizzati attivitajiet oħra fosthom webinars li bis-saħħa tagħhom komplew jitkattru aktar ideat bejn dawn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam edukattiv. Dan kien ukoll possibbli grazzi għar-relazzjoni eċċellenti li bnejna mal-awtorita’ Estonjana Education Estonja. Konferenza o]ra dwar kif l-Estonja qieg]ed tgħin lit-tfal biex jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom se ssir f’Malta fil-25 ta’ Novembu li ġej. 

“Jekk nitkellmu dwar is-settur tat-turiżmu li hi niċċa ferm importanti, naraw li fl-aħħar xhur, grazzi għall-ħidma wkoll tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, u l-Ministeru tat-Turiżmu, RyanAir u Malta Air waqfu vjaġġi diretti bejn iż-żewġ pajjiżi fejn Maltin u Estonjani qegħdin issa aktar iżuru l-pajjiżi rispettivi u jgawdu mill-kultura u l-ġawhriet li jeżistu.”

“Din l-inizjattiva kellha l-frott mixtieq minħabba li bejn Jannar u Lulju li għadda madwar 19,000 turist mill-Estonja diġà żaru l-gżejjer Maltin u dan hu fattur ferm pożittiv. Bejn Jannar u Lulju li għadda, l-ammont ta’ Estonjani li żaru Malta jaqbeż id-doppju ta’ kemm ġew fl-aħħar sena sħiħa qabel faqqgħet il-pandemija. Jien inqis it-turiżmu bħala wieħed mill-oqsma b’potenzjal ta’ kollaborazzjoni akbar bejn iż-żewġ pajjiżi mgħejjun ukoll mill-fatt li issa hemm titjiriet diretti bejn Malta u Tallinn. Irridu ngħidu li Malta ma toffrix biss baħar iżda ħafna u ħafna kultura u storja li għal min għandlu l-istorja u l-ġografija għal qalbu għandu xalata x’jara.”

Sadanittant, biex jiġi mfakkar it-tletin sena anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi, Kenneth Vella flimkien mal-konslu fl-Estonja Dr Aku Sorainen qegħdin itellgħu wirja fotografika fil-belt kapitali Estonjana biex anki jigi promoss aktar pajjizna f’dan il-pajjiz Nordiku. 

Fil-fatt kien hemm ħames fotografi li jaħdmu mal-mezzi tax-xandir Maltin li kkonkorrew għal din il-wirja fotografika li qiegħed issir anki bl-appoġġ finanzjarju u loġistika tal-uffiċju tal-presidenza Maltija. “Kien hemm ħames fotografi lokali li kellhom xogħol mill-aqwa u dawn kienu Roger Azzopardi ta’ L-Orrizont, Jonathan Borg ta’ Times of Malta, Joseph Galea ta’ In-Nazzjon, Giuseppe Attard ta’ The Malta Independent u James Bianchi ta’ Malta Today. Kollha tellgħu xogħol ta’ livell għoli li ġie apprezzat minn kull min żar il-wirja. Kollha qabdu tema differenti dwar gżiritna  Il-wirja tinkludi wkoll ritratti li ġibdet fl-aħħar disa’ snin f’Għawdex, fotografa mill-Estonja, Errit Kuldkepp.”

Vella ħa l-okkażjoni wkoll biex jirringrazzja lill-Uffiċju tal-President ta’ Malta tal-appoġġ loġistiku u finanzjarju li tawh biex tittella’ din il-wirja f’livell mill-aktar professjonali.  Il-wirja msejħa Malta – Beauty, Culture and Landscape, se tibqa miftuħa għall-pubbliku f’Galerie Cafe f’Tallinn sal-aħħar ta’ Ottubru u ġiet inawgurata uffiċjalment mill-President George Vella x-xahar li għadda. Għal ftuħ uffiċjali anki attenda saħansitra l-President tal-Estonja Alar Karis. 

Finalment staqsejna lil Kenneth Vella dwar il-pjanijiet tas-sena d-dieħla. X’se jkunu eżatt? “Għandna l-ħsieb li ninfurzaw u nsaħħu aktar id-diversi setturi bejn Malta u l-Estonja li diġà bdejna naħdmu fuqhom b’suċċess. Inkomplu norganizzaw aktar konferenzi b’temi differenti għax dawn jgħinu biex inħabbtu l-ideat flimkien u noħorġu aktar inizjattivi u opportunitajiet għaċ-ċittadini Maltin u Estonjani. Aħna nibqgħu dejjem ta’ servizz għal dawk il-Maltin li jixtiequ jsiru jafu aktar dwar dan il-pajjiż Nordiku.”

“Bi pjaċir ngħid ukoll li fl-aħħar xhur kien hemm kumpaniji u intrapriżi Maltin li marru fl-Estonja u fetħu fergħat hemmhekk u l-istess għamlu l-Estonjani li nvestew ħafna fit-teknoloġija tal-informatika filwaqt li kien hemm ukoll xi kumpaniji tal-gaming li fetħu f’pajjiżna. Dan hu pass ‘il quddiem sabiex dejjem aktar naraw żvilupp fis-settur tal-impjiegi u x-xogħol.”

“Finalment nixtieq nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja b’mod partikolari lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr Ian Borg tal-appoġġ li dejjem sibt min-naħa tiegħu. Ma nistax ninsa barra lis-segretarju permanenti Chris Cutajar li jaħdem qatigħ f’dan is-settur filwaqt li nsibu ta’ spalla meta niddiskuti miegħu xi affarijiet tant importanti.”

“Flimkien nistgħu nkomplu niżviluppaw din ir-relazzjoni tant sabiħa li għandna bejn iż-żewġ pajjiżi sabiex inżidu aktar opportunitajiet u nkomplu nkabbru l-kollaborazzjoni ta’ bejnietna,” ikkonkluda l-ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja.

Finalment matul il-konversazzjoni li kelli ma’ Vella ddiskutejt biss il-ħidma tiegħu fl-Estonja u ħallejt barra dik il-ħafna li saret ukoll fil-Finlandja. Dwar din żgur li jkolli ċ-ċans nitkellem miegħu fix-xhur li ġejjin. 

Sport