Il-Gvern Malti qiegħed jagħti aktar minn 130,000 doża tal-vaċċin lill-gvern tar-Rwanda, waqt li qed ikompli juri solidarjetà ma’ pajjiżi fil-bżonn. Titjira speċjali tal-Air Malta, koordinata mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej, se titlaq minn Malta b’dawn id-dożi tal-vaċċin kmieni nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Ottubru fis-sagħtejn ta’ filgħodu.
Fl-aħħar xhur Malta bdiet kampanja biex tqassam għexieren ta’ eluf ta’ dożi tal-vaċċin lil pajjiżi li jeħtieġu dawn id-dożi, skont il-politika tal-Istrateġija għall-Afrika fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.
Fost il-pajjiżi li diġà rċevew minn dawn id-dożi hemm il-Libja u l-Eġittu. Aktar donazzjonijiet simili mistennija jkunu finalizzati fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Dan l-isforz biex jitqassmu dożi ta’ vaċċin fost pajjiżi fil-bżonn qed jitmexxa minn uffiċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Ministeru għas-Saħħa, flimkien mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. B’kollox sa issa diġà tqassmu 200,000 dożi tal-vaċċin.
Waħda mir-realtajiet tal-pandemija tal-COVID hija li l-aċċess għall-vaċċini biex jilqgħu għall-impatt tal-pandemija mhux qed ikun ugwali għall-pajjiżi kollha.