Monday, April 22, 2024

Imdawwar bil-frieħ baqa’ jitbissem sal-aħħar

Aqra wkoll

Aktar kmieni waranofsinhar, folla ġmielha erħitilha lejn l-Imġarr biex tagħti l-aħħar tislima lil Ġużeppi Galea.

Ġużeppi Galea jibqa’ mfakkar għall-karattru tiegħu li quddiem kull għawġ dejjem kien kapaċi jara kif iġebbed tbissima biex ifakkar l-imħabba kbira li kellu għall-familja li kellha post tant speċjali f’qalbu.

Ġużeppi sa ftit tax-xhur ilu kien għadu jaħdem fir-raba’ tal-Bidnija u minkejja li kif kien iħobb jgħid hu stess “iż-żmien isajru l-bajtar”, kont issibu hemm milwi minn nofsu jnaqqax fil-ħamrija. L-elementi bħalma hija l-qilla tax-xemx kienet bħal saret parti mill-bżulija tiegħu u b’hekk ftit li xejn kienet taffettwah. Li ma jinġabarx ma’ uliedu u n-neputijiet fir-raba’ x’aktarx kienet l-akbar weġgħa tiegħu. Tant kien determinat li jibqa’ jagħti l-kontribut tiegħu qalb il-frieħ, li għalih iż-żmien kien bħal donnu jfisser biss tikmix fuq ġismu.

Missier, nannu u bużnannu. Ġużeppi jibqa’ mfakkar bħala pilastru għall-familja u li dejjem kien lest biex jagħti eżempju li ċertament se jibqa’ jinġarr mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajh. Lil dawn kien iwissihom b’eżempji dwar l-għawġ tal-ħajja, iżda kien ukoll kapaċi jara tbissima fuq dawk kollha mdawrin miegħu meta joħroġ b’xi waħda minn tiegħu.

Sport