Saturday, December 21, 2024

Malta tagħti 135,000 doża ta’ vaċċin lill-poplu tal-Ghana

Aqra wkoll

Il-Gvern ta’ Malta ta aktar minn 135,000 doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19 lill-poplu tal-Ghana, filwaqt li kompla juri solidarjetà mal-pajjiżi fil-bżonn, b’mod partikolari fl-Afrika Sub-Saħarjana. Illum waslet f’Accra titjira speċjali diretta tal-Air Malta lejn il-Ghana, ikkordinata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej. Jean Claude Galea Mallia, il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għall-Ghana, kien fl-ajruport ta’ Accra biex jikkordina l-wasla u t-tqassim tal-vaċċin.

F’konformità mal-Istrateġija tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej għall-Afrika, f’dawn l-aħħar xhur, Malta bdiet kampanja ta’ donazzjoni ta’ mijiet ta’ eluf ta’ dożi ta’ vaċċin lil pajjiżi li ilhom jissieltu biex jiksbu biżżejjed minnhom.

L-isforzi kollha ta’ Malta għad-donazzjonijiet tat-tilqim tmexxew b’mod konġunt minn uffiċjali mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Ministeru għas-Saħħa, li jaħdmu mill-qrib mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Kollettivament kważi 340,000 doża tal-vaċċin ġew mogħtija s’issa, donazzjonijiet minn Malta lejn il-Libja, l-Eġittu u r-Rwanda, liema donazzjonijiet mistennija jkomplu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Waħda mir-realtajiet li għaddejjin bħalissa tal-pandemija tal-COVID-19 hija li l-aċċess għal vaċċini li għandhom l-għan li jnaqqsu l-impatt tiegħu għadu mhux ugwali. Malta hija impenjata li tagħmel il-parti tagħha biex tindirizza din id-distribuzzjoni mhux ugwali, peress li COVID-19 mhux se jiġi solvut sakemm kulħadd jitlaqqam.

Ekonomija

Sport