Thursday, December 26, 2024

Malta tagħti prominenza lill-kisbiet taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Istati Żgħar tal-Commonwealth

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg f’Samoa għaċ-CHOGM 2024

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg wasal fil-gżejjer Paċifiċi ta’ Samoa biex imexxi d-delegazzjoni Maltija fis-27 Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth (CHOGM).

Mal-wasla tiegħu fil-kapitali Apia, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ħa sehem fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Commonwealth (CFAMM). Il-Ġimgħa ser jingħaqad mal-mexxejja tas-56 stat membru tal-Commonwealth għas-Sessjonijiet Eżekuttivi taċ-CHOGM. F’dawn il-laqgħat għolja ser jiddiskutu l-prijoritajiet tal-Commonwealth għas-snin li ġejjin, b’enfasi fuq il-potenzjal tal-organizzazzjoni biex issaħħaħ ir-reżiljenza u l-iżvilupp tal-pajjiżi membri quddiem diversi sfidi globali li lkoll jiffaċċjaw.

Il-Ministru Borg ser jieħu sehem ukoll fil-laqgħa magħluqa (retreat) tal-Kapijiet tal-Gvern u fis-Sessjoni tal-Għeluq tal-CHOGM nhar is-Sibt. Flimkien ma’ mexxejja oħrajn, ser imexxi wkoll is-67 laqgħa tal-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth (CMAG), li jaħdem biex jiżgura li l-istati membri jissalvagwardjaw il-prinċipji fundamentali tal-Commonwealth, inklużi d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Qabel il-laqgħa, Malta aċċettat stedina biex tkompli sservi bħala wieħed mid-disa’ membri tas-CMAG għat-tielet sena konsekuttiva.

Matul il-ġranet taċ-CHOGM, id-Deputat Prim Ministru qed ikollu wkoll taħditiet bilaterali mal-kapijiet tal-gvern u ministri għall-affarijiet barranin ta’ diversi pajjiżi tal-Commonwealth.

Sadanittant, nhar l-Erbgħa, Malta ospitat wieħed mill-avvenimenti prinċipali taċ-CHOGM, bl-isem ‘Commonwealth Small States Centre of Excellence: Future-Proofing Small States’. Matul dan l-avveniment, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ enfasizza l-isforzi ta’ dan iċ-ċentru bbażat f’Malta fl-inizjattivi ta’ reżiljenza klimatika għall-istati żgħar u l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS).

Iċ-Ċentru, li twaqqaf fil-Belt Valletta fl-2017, mexxa b’suċċess diversi opportunitajiet ta’ boroż ta’ studju, u inizjattivi ta’ skambji ta’ għarfien iffukati fuq is-SIDS. Flimkien mal-Università ta’ Malta u l-Organizzazzjoni tal-Istati tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (OACPS), dan iċ-Ċentru żviluppa wkoll l-Indiċi tal-Vulnerabbiltà u Reżiljenza għall-Klima, li jkejjel l-adattabilità u t-tħejjija tal-istati gżejjer żgħar għall-impatti tal-kriżi klimatika.

Fis-snin li ġejjin, iċ-Ċentru se jkompli jinvesti f’dan l-Indiċi importanti u se jservi bħala ċ-ċentru prinċipali tad-data tiegħu. Ser jindirizza wkoll l-isfidi dejjem jikbru għall-iżvilupp sostenibbli tal-gżejjer żgħar u s-SIDS billi jinkorpora dimensjoni tal-futur fix-xogħol tiegħu, b’mod partikolari fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija.

Waqt li kien qed jikkummenta fuq dan l-iżvilupp, il-Ministru Borg spjega li “flimkien mal-imsieħba tagħna, iffukajna l-isforzi tagħna fuq l-adattament u l-evoluzzjoni taċ-Ċentru biex jindirizza aħjar il-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-istati żgħar u l-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw fid-dinja globali tagħna li qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel. Irridu li ċ-Ċentru jkun f’pożizzjoni aħjar biex jindirizza l-isfidi inerenti relatati mal-vulnerabbiltà u r-reżiljenza, mhux l-inqas dawk relatati mal-klima, u l-impatti tagħhom fuq is-sigurtà u s-saltna tad-dritt.”

“Ejjew niżguraw it-twettiq tal-viżjoni kondiviża tagħna ta’ futur aktar reżiljenti u sostenibbli,” ikkonkluda d-Deputat Prim Ministru.

Flimkien mal-imsieħba tagħhom, Malta u ċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Istati Żgħar tal-Commonwealth ser ikunu qed ikomplu jagħtu tagħrif dwar din l-inizjattiva fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Maqgħuda dwar it-Tibdil fil-Klima (COP29) f’Baku, ix-xahar id-dieħel.

Ekonomija

Sport