Friday, December 27, 2024

Malta talbet azzjoni mill-KE dwar persuni traffikati lejn il-Libja u minn hemm lejn l-Ewropa

Il-Ministru Camilleri jisħaq li hemm bżonn li l-Ewropa tiġġieled it-traffikar uman

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem laqqajna f’pajjiżna l-pajjiżi hekk imsejħa l-MED5 primarjament dwar pożizzjoni komuni dwar l-immigrazzjoni illegali. Fl-istess ħin kellek traġedja oħra li minn dak li qiegħed jiġi rrappurtat s’issa hemm 30 persuna li tilfu ħajjithom ftit ’il bogħod mix-xtut Libiċi.

Iddikjara dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputata Laburista Rosianne Cutajar.

Cutajar fakkret li proprju f’din il-laqgħa kien hawn id-Direttur il-ġdid tal-Aġenzija Frontex Hans Leijtens li kien ilu biss ftit sigħat fil-kariga. 

Min-naħa tiegħu l-Ministru Camilleri saħaq li fl-istess laqgħat saru diskussjonijiet dwar il-bżonn li jiġu miġġielda t-traffikanti tal-bnedmin u li tiżdied is-sorveljazzjoni tal-ibħra internazzjonali. Saħaq li l-laqgħa kienet qiegħda ssir fid-dell tat-traġedja f’Calabria fejn kien hemm numru kbir ta’ persuni li mietu u fl-aħħar sigħat grupp ta’ persuni li telqu lejn Benghazi u mietu ftit mili bogħod mix-xtut Libiċi.

“Xbajt u kollha kemm aħna żgur imdejqin b’din is-sitwazzjoni fejn kontinwament it-traffikar tal-bnedmin xi wħud kważi jħajruh u nippermettuh. U jekk se jibqa’ jiġri hekk, ġraw imwiet fl-aħħar snin, kellna imwiet ilbieraħ u jekk mhux se jittieħdu deċiżjonijiet differenti se jibqa’ sfortunatament ikun hemm l-imwiet fil-baħar mediterran u kullimkien fejn isir dan it-traffikar tal-bnedmin”, kompla l-Ministru.

Il-Ministru qal ukoll li fl-aħħar żmien Malta kienet fost pajjiżi oħra li talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni diretta fuq traffikar tal-persuni minn Dhaka fil-Bangladesh lejn il-Libja biex imbagħad jiġu traffikati lejn l-Ewropa. Tkellem dwar il-linja tal-ajru Cham Wings li huwa magħruf li titraffika dawn il-persuni li kien hemm minnhom li nstab li kienu ġejjin proprju mill-Bangladesh.

Il-Ministru saħaq li hemm bżonn li fuq livell Ewropew nistaqsu l-mistoqsija ta’ kemm se ndumu nassistu għal imwiet biex forsi kollha kemm aħna naqblu li niġġieldu t-traffikar tal-bnedmin. 

Camilleri saħaq li dawn it-traffikanti jimpurtahom biss minn bwiethom u li jdaħħlu l-eluf. Tenna jgħid li dawn it-traffikanti ma jimpurtahomx jekk dawn il-persuni jgħixux jew le u saħansitra jitfgħuhom f’elementi bħalma huwa riħ qawwi li jpoġġihom f’riskju serju li ma jsalvawx.

Ekonomija

Sport