Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fetaħ il-laqgħa informali tad-Deputati tal-Kumitat tal-Ministri fil-Kunsill tal-Ewropa b’messaġġ ċar: azzjoni b’saħħitha kontra l-ħsara tal-isterjotipi tal-ġeneru mhijiex fakultattiva, iżda imperattiva. Il-laqgħa tlaqqgħet biex tindirizza l-isfidi persistenti tal-isterjotipi tal-ġeneru u l-vjolenza bbażata fuq is-sessi.
Il-laqgħa bit-tema “Dismantling Gender Norms: A Discussion on Harmful Gender Stereotypes”, kienet immexxija mill-Ambaxxatriċi Francesca Camilleri Vettiger, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, u inkludiet kontribuzzjonijiet ta’ diversi esperti inkluż minn Samantha Pace Gasan, il-Kummissarju ta’ Malta dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Jonathan Attard enfasizza n-natura profonda u spiss inviżibbli tal-isterjotipi tal-ġeneru, li huwa ddeskriva bħala ‘ċ-ċavetta tal-inugwaljanza’ u li tista’ twassal għal diskriminazzjoni, kontroll, u vjolenza — inkluż il-femiċidju. “L-isterjotipi tal-ġeneru mhumiex tradizzjonijiet antiki, iżda realtajiet li għadhom jeżistu u rridu nindirizzawhom mill-qalba tagħhom” qal il-ministru.
Huwa enfasizza l-isforzi komprensivi ta’ Malta biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet permezz ta’ riformi legali u istituzzjonali. Dawn jinkludu r-rikonoxximent legali tal-femiċidju, żieda fl-għadd ta’ membri tal-ġudikatura u professjonisti tal-għajnuna legali speċjalizzati f’każijiet ta’ vjolenza domestika u dalwaqt se ssir l-introduzzjoni ta’ buttuni ta’ paniku u monitoraġġ elettroniku biex jiġu protetti l-vittmi. Malta ppromwoviet ukoll l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni fuq il-post tax-xogħol, għodod ta’ monitoraġġ tal-pagi ugwali, u kampanji ta’ għarfien. Inizjattivi ewlenin oħra huma mmirati lejn id-diskors ta’ mibegħda sessista u għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tal-bniet fl-oqsma STEM.
L-avveniment kien inizjattiva ewlenija taħt il-Presidenza Maltija tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, u li kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna f’dak li huma drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi.