Sunday, February 8, 2026

Malta taqbeż ‘l fuq b’50 post fl-investiment dirett barrani

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri jikkwota indiċi internazzjonali dwar is-suċċess ta’ Malta

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Is-sena li għaddiet kienet sena ta’ riżultati b’saħħithom għall-investiment dirett barrani f’Malta. Dan mhuwiex kliem politiku jew interpretazzjoni tiegħi bħala Ministru għall-Ekonomija iżda, rikonoxximent li qiegħed jasal minn sorsi ta’ awtorità internazzjonali. B’mod partikolari l-Greenfield FDI Performance Index tal-Financial Times ta’ Londra rrapporta li Malta għamlet qabża qawwija ’l quddiem f’sena waħda biss, fil-fatt qbiżna ’l fuq b’50 post. Dan huwa sinjal ċar li l-ħidma li qegħdin nagħmlu biex inżidu l-kompetittività ta’ pajjiżna u nattiraw investiment ta’ kwalità qiegħda tagħti l-frott”.

Qal dan lil IT-TORĊA l-Ministru għall-Ekonomija Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, wara li ftit tal-ġranet ilu ħabbar l-akbar investiment barrani dirett f’Malta b’valur smat li jista’ jaqbeż il-€100 miljun ma’ kumpanija speċjalizzata fil-MedTech. Dan l-investiment rekord flimkien ma’ oħrajn jagħtu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u tkabbir ekonomiku. Kif spjega l-Ministru Schembri, “ir-riżultat qegħdin narawh f’taħlita wiesgħa ta’ investiment dirett barrani f’diversi setturi li qegħdin jagħtu valur miżjud lill-ekonomija tagħna: mill-semikondutturi u l-medtech, sal-oqsma tal-blockchain u l-crypto, video game development u l-esports, kif ukoll l-iGaming, is-servizzi finanzjarji u l-avjazzjoni, fost oħrajn. Din hija l-istrateġija tagħna: ekonomija moderna, diversifikata u reżiljenti biex noħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità u nsaħħu t-tkabbir fit-tul”.

Xhur twal ta’ ħidma serja u kordinata

L-aħħar investiment dirett barrani f’Malta mħabbar jinkludi stabbiliment ta’ faċilitajiet avvanzati ta’ produzzjoni u riċerka u żvilupp. Mistoqsi x’wassal għal din il-kisba kif ukoll xi jfisser tali investiment kemm fuq skala nazzjonali kif ukoll għaċ-ċittadini, il-Ministru Schembri elabora kif wara t-tħabbira  hemm xhur twal ta’ ħidma serja u kordinata. Insista li, “dan ir-riżultat ma seħħx b’kumbinazzjoni: huwa frott ta’ strateġija ċara u ta’ xogħol magħmul b’mod professjonali, li bdejna flimkien ma’ Malta Enterprise u INDIS sa minn aktar minn sena ilu, biex Malta tattira dan l-investiment ta’ kwalità għolja u li joħloq valur miżjud. Grazzi għal din il-ħidma, nistgħu ngħidu li issa ħabbarna l-akbar investiment dirett barrani ġdid li qatt ra pajjiżna fis-settur tat-teknoloġija medika, il-MedTech. Dan huwa settur ta’ futur: innovazzjoni, riċerka, produzzjoni avvanzata u impjiegi ta’ kwalità” .

Qal ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qiegħed jagħti aktar dettalji dwar l-investiment innifsu. “Iżda, l-aktar punt importanti għalina bħala Gvern huwa wieħed:  investimenti bħalu jfisser opportunitajiet reali għall-ħaddiema u għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, b’karrieri ta’ paga aħjar u b’ħiliet aktar avvanzati. Hemm ukoll dimensjoni nazzjonali: ekonomija b’saħħitha hija l-bażi li fuqha nkomplu nibnu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Hekk biss nistgħu nżommu u nsaħħu miżuri li llum saru parti naturali mill-ħajja ta’ ħafna familji, bħal childcare b’xejn, transport għall-iskejjel b’xejn u t-tisħiħ kontinwu fil-pensjonijiet u fl-istipendji. Dan ifisser li r-riżultati tal-politika ekonomika tajba jitħassu fil-but u fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin”.

“Pajjiż żgħir irid ikun ambizzjuż u konsistenti”

Mistoqsi xi pjanijiet oħra hemm f’dan is-settur biex ikompli jikber u jissaħaħ, il-Ministru Schembri speċifika kif huwa dejjem emmen li pajjiż żgħir irid ikun ambizzjuż, iżda fuq kollox irid ikun konsistenti: b’politika ekonomika ċara, b’deċiżjonijiet f’waqthom u b’ħidma li twassal għal riżultati. Żied li, “is-sena li għaddiet għedt li Malta kellha tasal għall-ogħla livell ta’ investiment dirett barrani fl-istorja tagħha u dak li wegħedt għamiltu realtà. Issa l-isfida hija waħda: li nżommu r-ritmu u nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess b’mod sostenibbli. Għalhekk se nkomplu nsaħħu l-ekosistema li tattira investiment ta’ kwalità, speċjalment f’oqsma li jagħtu valur miżjud lill-ekonomija tagħna: innovazzjoni diġitali, fintech, manifattura avvanzata, kif ukoll industriji strateġiċi oħra”.

Din is-sena, minbarra l-investiment dirett barrani li ħabbar dan l-aħħar, il-Gvern għaddej bi proġett ieħor ta’ importanza kbira – l-investiment massiċċ ta’ STMicroelectronics, li jinkludi espansjoni fl-impjant f’Ħal Kirkop. Fir-rigward il-Ministru Schembri qal li, “dan mhux biss isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru kruċjali fl-industrija globali tas-semikondutturi, iżda jkompli jpoġġi lil pajjiżna fuq quddiem nett f’manifattura avvanzata u fl-Industrija 4.0. Fl-istess ħin se nkomplu naħdmu biex nattiraw aktar kumpaniji u proġetti f’setturi oħra li jagħtu valur miżjud: semikondutturi, manifattura avvanzata, servizzi diġitali, servizzi finanzjarji u wkoll oqsma strateġiċi bħall-marittimu u l-avjazzjoni”.

Huwa temm jispeċiika li l-għan tiegħu huwa li jiżgura li l-ekonomija tibqa’ tikber b’mod b’saħħtu u sostenibbli u li l-benefiċċji ta’ dan il-kobor jaslu għand il-ħaddiema Maltin, b’impjiegi aħjar, pagi ogħla, aktar ħiliet u aktar opportunitajiet fit-tul.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport