Wednesday, April 24, 2024

Malta terġa’ tikklassifika fl-ewwel post fejn jidħlu d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+

Aqra wkoll

Għas-seba’ sena konsekuttiva, pajjiżna kklassifika fl-ewwel post fir-Rainbow Map Index, hekk kif ikkonfermat minn stħarriġ li joħroġ mill-indiċi ta’ ILGA-Europe għas-sena 2022. Dan l-istħarriġ annwali josserva d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+. 

Ir-rapport juri li matul is-sena li għaddiet, Malta kisbet punteġġ ta’ ftit aktar minn 92% u reġgħet ġiet ikkonfermata fl-ewwel post. Ir-riżultat tħabbar waqt l-IDAHOT Forum li qed tattendi għalih is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg f’ Ċipru fejn intqal kif Malta baqgħet issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha. Fil-fatt, ir-riċerka turi li fost 49 pajjiż, Malta rnexxilha tikseb l-għola persentaġġ f’dik li hija politika u liġijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-familja, rikonoxxenza legali tal-ġeneru, u tisħiħ ta’ pieni kontra reati u diskors ta’ mibgħeda.

Il-Ministru Byron Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan ir-riżultat miksub li qed ikompli juri kemm il-qasam tal-ugwaljanza huwa fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-Gvern. “Riżultati bħal tal-lum mhumiex sempliċi statistika iżda wara kull numru, wara kull mappa, hemm bniedem u hemm familja. Li tikseb aktar drittijiet ċivili ma tagħmilhiex biex sempliċiment tieħu l-kredtu f’okkażjonijiet bħal tal-lum, iżda tagħmilha għax temmen, għax konvint li l-ebda minorità, l-ebda bniedem m’għandu xejn inqas milli għandu l-ieħor.”

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza laqgħet din l-aħbar pożittiva filwaqt li tenniet kif il-Gvern se jibqa’ jaħdem biex dawn id-drittijiet ċivili jissarrfu f’ugwaljanza sħiħa fil-ħajja ta’ kuljum. “Huwa ta’ sodisfazzjon li x-xogħol li qed nagħmlu fuq livell nazzjonali qed ikompli jagħti l-frott filwaqt li qed jiġi rikonoxxut fuq livell Ewropew. Għaldaqstant  ninsabu determinati li nkomplu nsaħħu ħidmet il-Gvern f’dan il-qasam favur soċjetà aktar miftuħa u inklussiva,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Sport